Ċirkulari 03/21
Ċirkulari lis-Servizzi kollha ta’ Media Awdjoviżiva
Spjegazzjoni dwar ir-Reviżjoni ta’ Aspetti Kummerċjali
Fid-Direttiva dwar Servizzi tal-Media Awdjoviżiva
(Audio Visual Media Services Directive)
Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, l-Awtorità tax-Xandir qed tagħti spjegazzjoni u direzzjoni dwar it-tibdiliet li ġabet magħha din id-Direttiva fil-kuntest ta’ reklamar, inklużjoni ta’ tqegħid tal-prodott u sponsorship. Għaldaqstant, permezz ta’ din iċ-Ċirkulari, ser jiġu ċċarati numru ta’ punti inkonnessjoni mal-aspett kummerċjali.
Pretest
Minn aspett kummerċjali, waħda mill-iktar emendi sinifikattivi li ġabet magħha d-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Media Awdjoviżiva hija bla dubju l-possibbiltà ta’ inklużjoni ta’ tqegħid ta’ prodott fil-ġeneri kollha b’eċċezzjoni għal;
- l-aħbarijiet
- programmi dwar ġrajjiet kurrenti
- programmi dwar affarijiet tal-konsumaturi
- programmi u servizzi reliġjużi
- programmi għat-tfal
Prinċipji Bażiċi
Tqegħid tal-Prodott
It-tqegħid tal-prodott issa jista’ jkun inkluż fil-ġeneri kollha tal-programmi bl-eċċezzjoni tal-programmi hawn fuq imsemmija hekk kif stabbilit f’Artiklu 16M(2). Dan ifisser li l-kunċett ta’ prop placement (li kien forma ta’ tqegħid tal-prodott mingħajr ħlas) u li kien joħroġ minn Artiklu 16M(2)(b), issa spiċċa għalkollox. Għaldaqstant fl-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, fi programmi u servizzi reliġjużi, fi programmi dwar affarijiet tal-konsumatur u fi programmi għat-tfal, ebda forma ta’ tqegħid ta’ prodott mhu ser tkun permessibbli. Dan jinkludi wkoll laptops u affarijiet oħra li setgħu kienu qed jintużaw fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ dawn il-programmi.
F’dawk il-ġeneri meta t-tqegħid tal-prodott huwa permessibbli, dan huwa rregolat bl-elementi f’Artiklu 16M(3). Fl-ispeċifiku dawn l-elementi huma;
Art16M(3)(a) li jispeċifika li f’dawk il-programmi fejn isir it-tqegħid ta’ prodotti kummerċjali;
il-kontenut u l-organizzazzjoni tagħhom fi skeda, fil-każ ta’ xandir televiżiv, jew f'katalgu fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand, ma għandhom, fl-ebda ċirkostanza, jiġu influwenzati b'tali mod li jaffettwa r-responsabbiltà u l-indipendenza editorjali tal-fornitur ta’ servizzi tal-media;
Artiklu16M3(b);
ma għandhomx iħeġġu direttament ix-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b'mod partikolari billi jagħmlu referenzi promozzjonali speċjali għal dawk il- prodotti jew servizzi;
Art16M(3)(ċ);
ma għandhomx jinkludu tqegħid tematiku mhux dovut ta’ prodotti kummerċjali;
Art16M(3)(d);
Ma għandhomx jagħtu prominenza mhux dovuta lill-prodotti inkwistjoni
Art16M(3)(e);
it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b'mod ċar bl-eżistenza tat-tqegħid tal-prodott permezz ta' identifikazzjoni xierqa fil-bidu u fit-tmiem tal- programm, u meta l-programm jerġa' jibda wara waqfa għar-reklami, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettatur.
Dawn l-elementi jridu jittieħdu fid-dawl tad-definizzjoni ta’ inklużjoni ta’ prodotti kummerċjali, ossia, li tqegħid tal-prodott huwa komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li tikkonsisti fl-inklużjoni ta’ jew referenza għal prodott, servizz jew trademark, sabiex dan jidher fi programm bi ħlas jew remunerazzjoni simili.
Dan ifisser li l-istazzjonijiet iridu joqogħdu ferm attenti li t-tqegħid tal-prodott jibqa’ tali (i.e. “inklużjoni” jew “referenza”) u dan sabiex ma tinħoloqx sitwazzjoni ta’ komunikazzjoni awdjoviżiva bil-moħbi. Din is-sitwazzjoni kienet, u għadha, projbita b’Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir kif ser jiġi spjegat iktar ‘il quddiem. B’mod prattiku; f’rokna informattiva fi programm magazine/lifestyle (li issa huwa permessibbli li fihom isir tqegħid ta’ prodott) ma tistax titwassal informazzjoni inkonnessjoni ma’ prodott/servizz li jkun qed jintuża bħala tqegħid ta’ prodott. Din is-sitwazzjoni kienet u għadha tiġi meqjusa bħala ksur ta’ Artiklu 16(K)(a) tal-Att dwar ix-Xandir (i.e. sitwazzjoni ta’ reklamar b’ħabi). Mill-banda l-oħra, f’rokna informattiva jista’ jsir użu minn tqegħid ta’ prodott kemm-il darba dan ma jkollux x’jaqsam mal-informazzjoni li tkun qed titwassal.
F’dan il-kuntest wieħed irid jinnota wkoll tibdil importanti. Fiċ-Ċirkulari 16/14 l-Awtorità tax-Xandir kienet idderiġiet lill-istazzjonijiet sabiex fi rkejjen li fihom jidhru ċerti professjonisti bħal koki, dawn setgħu jilbsu lbies professjonali li juri l-isem u l-logo tal-kumpanija. Din id-direzzjoni kienet ingħatat fil-kuntest ta’ Artiklu 16M(2)(b) li kien jippermetti l-użu ta’ “prop placement”. Kif intqal fl-ewwel paragrafu ta’ din it-taqsima, dan il-kunċett issa spiċċa għalkollox u għalhekk ma għadux permessibbli.
Għaldaqstant l-Awtorità qed tagħti direzzjoni sabiex l-ebda professjonist ma jidher waqt rokna informattiva bi ħwejjeġ li juru l-isem u/jew il-logo tal-kumpanija li jkun ġej minnha kemm-il darba l-informazzjoni fir-rokna jkollha x’taqsam ma’ dak l-isem u/jew logo. Mill-banda l-oħra, biex nibqgħu bl-eżempju tal-kok, filwaqt li dan ma jistax jilbes ħwejjeġ li juru isem u/jew logo tar-restaurant/caterer/lukanda li ġej minnha, jista’ jilbes uniformi li jkollha reklam (isem u/jew logo) ta’ ditta li pereżempju tagħmel l-uniformijiet. Dan japplika irrispettivament minn jekk ir-rokna hux tittella’ fi istudio jew minn fuq il-post. L-istess tip ta’ raġunament għandu japplika wkoll għall-professjonisti oħra ġejjin minn liema qasam ġejjin (b’mod partikolari, stilisti tax-xagħar, beauticians, fotografi, esperti varji u oħrajn).
Minn naħa oħra, mistednin u preżentaturi jistgħu jilbsu ħwejjeġ ta’ ditti tal-ħwejjeġ kemm-il darba l-informazzjoni li tingħata ma tkunx appuntu fuq il-ħwejjeġ. Dan it-tip ta’ tqegħid ta’ prodott issa huwa permessibbli kemm-il darba jsir fil-parametri tal-elementi f’Artiklu 16M(3) b’mod partikolari li ma tingħatax u ssir prominenza mhux dovuta għad-ditti inkwistjoni.
Chest supers jew credits li jabbinaw ismijiet ta’ mistednin u/jew parteċipanti fi programmi ma’ ditti ta’ prodotti, servizzi u/jew entitajiet, meta l-informazzjoni u/jew il-kontenut huma assoċjati ma’ dawn l-istess prodotti, servizzi u/jew entitajiet mhumiex permessibbli għaliex permezz tagħhom ukoll tkun qed tinħoloq sitwazzjoni ta’ reklamar bil-moħbi.
Tajjeb jingħad ukoll li l-Awtorità ma ssib ebda diffikultà li prodott jew servizz li jkun qed jintuża bħala tqegħid ta’ prodott jiġi rreklamat fis-sensiliet ta’ reklami madwar dik il-parti tal-programm li fiha jsir it-tqegħid tal-prodott sakemm jibqa’ jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-kontenut tal-programm u r-reklam. Dan sabiex jitħarsu l-obbligi f’Para. 5 u 8 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
Sponsorship
Inkonnessjoni mal-użu ta’ arranġamenti ta’ sponsorship, wieħed jinnota li t-tibdil f’dan ir-rigward kien wieħed minimu. F’dan ir-rigward l-Awtorità għal darb’oħra terġa’ tagħmel referenza għaċ-Ċirkulari 16/14. Irrispettivament mill-ġeneru tal-programm, ebda rokna ma tista’ tiġi sponsorjata minn entità li tkun intrinsikament marbuta mas-suġġett li dwaru tkun qed tingħata l-informazzjoni. Dan japplika wkoll fil-każijiet fejn l-isponsorship ikun abbinat mal-programm kollu u parti mill-programm biss tkun rokna li s-suġġett tagħha jkun intrinsikament marbut mal-isponsor.
L-Awtorità tax-Xandir tixtieq tfakkar ukoll li l-preżentazzjoni ta’ sponsorship trid timxi mal-elementi li jirregolaw l-isponsorship f’Artiklu 16L tal-Att dwar ix-Xandir. Dan bl-eċċezzjoni ta’ programmi ta’ aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti li fl-ebda każ ma jistgħu jkunu sponsorjati. F’dan il-każ, id-direzzjoni mogħtija mill-Awtorità tax-Xandir fiċ-Ċirkulari 15/14 għadha applikabbli fl-intier tagħha.
Infakkarkom ukoll li hemm provvedimenti li japplikaw għall-sponsorships ta’ prodotti u servizzi speċifiċi. Dawn jinkludu projbizzjonijiet ġenerali (bħall-prodotti tat-tabakk, prodotti mediċinali bi preskrizzjoni u prodotti u servizzi illegali), jew limitazzjonijiet bil-ħin, bħall-alkoħol u l-logħob tal-ażżard (irregolati mil-L.S.350.24 u L.S.350.25 rispettivament).
Referenza għall-isponsorship ta’ programm tista’ ssir fil-bidu, matul u/jew fi tmiem il-programm. Minn aspett ta’ format, sponsorship ta’ kontenut editorjali ma għandux jinkoraġġixxi x-xiri jew il-kiri ta’ prodotti jew servizzi, b’mod partikolari billi ssir referenza promozzjonali speċjali għal dawk il-prodotti jew servizzi. Fost oħrajn dan ifisser li sponsorship ma għandux jinkludi referenza għal sale, discounts, deliveries, offerti, ħinijiet ta’ ftuħ u prezzijiet ta’ prodotti jew servizzi. Kif idderiġiet fiċ-Ċirkulari 16/14, arranġamenti ta’ sponsorships ma għandhomx jinkludu wkoll numri tat-telephone, indirizzi elettroniċi u/jew siti elettroniċi.
Mill-banda l-oħra arranġament ta’ sponsorship jista’ jinkludi, l-isem tal-kumpanija jew il-prodotti jew servizzi mibjugħa u taglines (li ma jinkludux l-inkoraġġiment u referenzi promozzjonali hawn fuq imsemmija). Jista’ jiġi inkluż ukoll isem il-lokalità/jiet minn fejn jopera n-negozju iżda mhux l-indirizz postali komplut.
F’każ fejn ikun hemm sponsorships abbinati max-xandara u/jew l-istazzjon, l-istess parametri japplikaw.
Regolamenti dwar Komunikazzjoni Kummerċjali Awdjoviżiva
L-Artiklu 16K tal-Att dwar ix-Xandir kien u għadu l-Artiklu prinċipali li jirregola l-aspett kummerċjali. F’dan ir-rigward l-Awtorità tixtieq tfakkar li d-direzzjoni mogħtija minnha fiċ-Ċirkulari 8/17 fit-taqsima (Kontenut tal-Programm u l-element Reklamatorju) għadha tapplika.
L-Awtorità tax-Xandir tixtieq tiġbed iżda l-attenzjoni b’mod partikolari għall-introduzzjoni tas-sub-artiklu 16K(6) li jgħid;
Ix-xandir tal-forom kollha ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar ditti u prodotti ta’ ikel u xorb li fihom nutrijenti u sustanzi b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku, b’mod partikolari xaħam, aċidi xaħmin trans, melħ jew sodju u zokkor, magħrufa bħala prodotti li fihom ħafna xaħam, zokkor u melħ (HFSS), huwa projbit minnufih qabel, waqt u minnufih wara programmi għat-tfal.
u s-sub-artiklu 16K(7) li jgħid;
Ix-xandir tal-forom kollha ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi dwar prodotti li ma jkunux xierqa jew adattati għat-tfal jew li t-tfal inġenerali ma jkunux raġonevolment mistennija li ser jixtru jew jippruvaw jixtru, huwa projbit minnufih qabel, waqt u minnufih wara programmi għat-tfal.
L-istazzjonijiet u x-xandara huma mitluba wkoll jieħdu nota tal-introduzzjoni tal-Artiklu 16K(8) u s-sub-artikli tiegħu illi issa qed jirregola r-reklamar ta’ xorb alkoħoliku flimkien mal-provvedimenti fil-L.S.350.24 Ħtiġiet dwar Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar reklamar, Sponsorship u Teleshopping ta’ Xorb Alkoħoliku.
L-Awtorità tixtieq terġa’ tfakkar li ma jistax ikun hemm assoċjazzjoni bejn sponsorship, reklami u/jew rigali mal-informazzjoni mogħtija fi rkejjen informattivi. L-Awtorità tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li prodott u/jew servizz jistgħu jidhru kemm f’forma ta’ sponsor kif ukoll bħala tqegħid tal-prodott fl-istess programm kemm-il darba jiġu osservati l-provvedimenti l-oħra hawnhekk spjegati.
Użu ta’ Pop Ups u Proporzjon ta’ Reklamar
Kulma jmur l-Awtorità tax-Xandir qiegħda dejjem tinnota żieda fl-użu tat-teknika ta’ pop up advertising. F’dan ir-rigward l-Awtorità tixtieq tiġbed l-attenzjoni li permezz ta’ emenda f’Artiklu 16M(4), din it-teknika ta’ reklamar issa ġiet espressament projbita fl-aħbarijiet u programmi u servizzi reliġjużi.
Minn aspett prattiku, l-applikazzjoni u l-użu ta’ pop up advertising irid jibqa’ jimxi mad-direzzjoni mogħtija mill-Awtorità fiċ-Ċirkulari 8/17. L-Awtorità tixtieq tinforma wkoll li minn aspett kwantitattiv, il-proporzjon ta’ reklamar issa ser jibda jiġi kkalkulat b’mod differenti u dan skont l-emenda li saret f’Paragrafu 15 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir;
- 20% reklamar fil-perjodu bejn 06:00 a.m. – 06:00 p.m.
- 20% reklamar fil-perjodu bejn 06:00 p.m. – 12:00 a.m.
F’dan ir-rigward, fid-dawl ta’ arranġamenti kummerċjali li jista’ jkun diġà ntlaħqu minn numru ta’ stazzjonijiet u djar tal-produzzjoni, l-Awtorità ser tkun qed tagħti ċans lill-istazzjonijiet jirregolaw irwieħhom sa mhux aktar tard mill-bidu tal-iskeda ta’ Ottubru 2021. Madanakollu l-Awtorità tirriserva d-dritt li tieħu passi dwar nuqqasijiet inkonnessjoni mal-provvedimenti eżistenti li jirregolaw l-aspett kummerċjali u li baqgħu kif kienu.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
8 ta’ Marzu, 2021
Ref.15/18