04/13 - 14 Jan 2013




Ċirkulari 4/13

Ċirkulari lill-Istazzjonjiet Kollha tax-Xandir

Kors fil-kitba bil-Malti - Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

(Certificate in Proofreading Maltese Course)

Nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni li x-xahar id-dieħel (Frar 2013) id-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jiftħu t-tmien kors fil-kitba bil-Malti li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti u għal Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti. Din is-sena l-kors se jkun offrut ukoll fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija.

Dan huwa kors universitarju ta’ sena, part-time, u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa:


F’Malta – l-Università (l-Imsida), nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis, mill-5.30pm sat-8.30pm.
F’Għawdex – l-Università (ix-Xewkija), nhar ta’ Ġimgħa mill-5pm sad-9pm u nhar ta’ Sibt mit-8.30am san-12.30pm.

Il-kors hu maħsub għal kull min juża l-Malti miktub fil-post tax-xogħol u għal min jixtieq li jtejjeb il-kitba tiegħu bil-Malti. Il-kors diġà temmewh b’suċċess għadd ta’ xandara u ġurnalisti u x-xewqa tagħna hi li x-xandara kkwalifikati fil-kitba bil-Malti jkomplu jiżdiedu.

Għaldaqstant, l-Awtorità tax-Xandir din is-sena wkoll, qed tissussidja l-ħlas tal-kors għal 4 xandara/ġurnalisti/edituri/kapijiet tal-programmi/produtturi tal-programmi tat-televixin u r-radju. B’hekk tkunu tistgħu tattendu mingħajr ħlas għal dan il-kors universitarju. Min hu interessat għandu jikteb lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, is-Sur Pierre Cassar, fl-indirizz: pierre.cassar@ba.org.mt b’kopja lil Dr Simon Manicolo: simon.manicolo@ba.org.mt.

Nemmnu bis-sħiħ f’dan il-kors u nħeġġukom biex tal-anqas tibagħtu impjegat/a mill-kumpanija tagħkom għalih. B’hekk ikollkom punt ta’ referenza sod fuq il-kitba bil-Malti għall-grafika tal-produzzjonijiet tagħkom.

L-applikazzjonijiet tal-kors miftuħin u qed jintlaqgħu sal-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar 2013. Il-formola tal-applikazzjoni timtela u tintbagħat mis-sit tal-Università.

Ma’ din iċ-ċirkulari qed nibagħtulkom il-ktejjeb bit-tagħrif kollu fuq il-kors. Tagħrif ieħor issibuh mis-sit http://www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp jew billi tiktbu direttament f’dan l-indirizz: provi-malti.arts@um.edu.mt

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
11 ta’ Jannar 2013
Ref 73/01/4