Ċirkulari 4/18
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni
Ripetizzjonijiet fl-Iskeda tas-Sajf
L-Awtorità tagħraf li bħalissa l-istazzjonijiet ikunu qed jippjanaw għall-iskedi tas-sajf u t-tendenza hi li jixxandru numru ta’ programmi ripetuti. Għaldaqstant, qed tinġibed l-attenzjoni fuq numru ta’ punti relatati ma’ ripetizzjonijiet ta’ programmi:-
• Ebda ripetizzjoni ta’ programm li jkun diġà nstab ħati quddiem l-Awtorità ma għandha tixxandar jekk mhux emendata b’tali mod li ma tkun tikser l-ebda dispożizzjoni fl-Att dwar ix-Xandir. Dan japplika wkoll għall-każijiet fejn tkun inġibdet l-attenzjoni mid-Dipartiment tal-Monitoraġġ.
• Films, drama, teleseries u dokumentarji huma eżenti milli jindikaw li huma ripetizzjonijiet sakemm dawn il-programmi ma jkunux jagħmlu parti mill-iskeda preżenti li tkun qed tixxandar.
• Programmi ta’ ġrajjiet kurrenti min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu ripetuti minn skeda għall-oħra għaliex l-iskop ta’ ġrajjiet kurrenti jintilef. Anki f’każijiet fejn programm ta’ ġrajjiet kurrenti jiġi ripetut fl-istess skeda, l-istazzjon għandu jara li jekk il-programm ikollu kontenut marbut ma’ ġrajja kurrenti li tkun qed tiżviluppa minn ħin għal ħin, dan il-programm ma jkunx ripetut minħabba li l-andament tal-istorja li tkun qed tiżviluppa jintilef u t-telespettaturi ma jkunux qed jirċievu xandir ta’ kwalità għaliex il-kontenut ma jkunx baqa’ validu jew bosta miċ-ċirkostanzi jkunu nbiddlu u evolvew.
• Il-klassifikazzjoni oriġinali tibqa’ tgħodd u programmi li ma jkunux addattati għal qabel il-watershed ma jistgħux jixxandru qabel il-watershed bħala ripetizzjoni.
• F’każ ta’ kompetizzjonijiet li ma jkunux għadhom validi, it-telespettaturi jridu jkunu mgħarrfa permezz ta’ crawl li l-kompetizzjonijiet ma għadhomx validi.
• L-istazzjon għandu jara wkoll li reklamar jew pop-ups li jixxandru waqt ir-ripetizzjonijiet ma jkunux reklami barra minn żmienhom jew li jkunu jirriflettu offerti li ma jistgħux jiġu mifdija mit-telespettaturi.
Dawn huma l-punti saljenti li l-istazzjonijiet għandhom isegwu fejn se jkun hemm programmi ripetuti fl-iskeda tas-sajf. Kull stazzjon huwa obbligat li jara li il-kontenut kollu li jixxandar ikun konformi mal-Att dwar ix-Xandir.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
16 ta’ Mejju 2018
Ref 88/07