04/21 - 02 July 2021




Ċirkulari 04/21

 

 

Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tax-xandir

 

 

Spjegazzjoni dwar l-emendi fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18,

Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika

Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja

 

Il-proċess ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva dwar Servizzi ta’ Midja Awdjoviżiva wassal għal emendi fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18, Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja (Avviż Legali 482 tal-2020). Dawn l-emendi għandhom żewġ għanijiet prinċipali; l-ewwel li jassiguraw li tkompli tiżdied il-protezzjoni tat-tfal minn kontenut li jista’ potenzjalment ikun ta’ ħsara u detriment għall-iżvilupp fiżiku, morali u mentali tagħhom, u t-tieni, li joffru iktar kjarezza lis-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva dwar l-obbligi legali tagħhom inkonnessjoni ma’ dan l-aspett daqstant importanti.

 

Fost l-operaturi fis-settur, il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18, Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja hija magħrufa l-iktar minħabba li tistabbilixxi l-watershed, ossia l-punt fejn is-servizzi tal-midja jkunu jistgħu jibdew ixandru kontenut immirat għaludjenza iktar matura. Il-punt tal-ħin stabbilit f’din il-liġi kien id-21:00. Il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18 hija magħrufa wkoll bħala l-għodda legali li tistabbilixxi l-obbligu ta’ klassifikazzjoni ta’ kontenut.

 

Permezz tal-Avviż Legali 482 tal-2020, il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18, Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja qed tiġi emendata hekk kif ġej;

 

 

Il-Watershed

 

S’issa d-21:00 kien il-punt fejn ix-xandara setgħu “progressivament” jibdew ixandru kontenut iktar immirat għall-kbar. Minn aspett prattiku, l-element ta’ progressività kien qed jikkawża inċertezza kemm lill-operaturi fis-settur kif ukoll lir-regolatur. Dan minħabba l-element ta’ suġġettività tiegħu. Għaldaqstant dan l-element issa tneħħa. Mill-banda l-oħra, sabiex tibqa’ tkun żgurata l-protezzjoni neċessarja għall-udjenzi żgħar/tfal, il-ħin stabbilit issa huwa ffissat għad-21:30. Dan ifisser li kontenut ikklassifikat bħala 18, jista’ jixxandar BISS mid-21:30 ’il quddiem.

 

Is-Sinjali ta’ Klassifikazzjoni

 

Tibdil ieħor fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18 hija s-sistema ta’ sinjali ta’ klassifikazzjoni tal-kontenut. Dawn qed jiġu mibdula hekk kif ġej;

 

  • U  għal Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva addattati għal persuni ta’ kull età. L-ittra "U" għandha tkun f’ċirku tal-kulur aħdar.

 

  • PG għal Servizzi  tal-Midja  Awdjoviżiva  li  jeħtieġu  l-gwida  tal-ġenituri  peress  li  jistgħu  ma  jkunux addattati għal tfal żgħar. L-ittri "PG" għandhom ikunu f’ċirku tal-kulur isfar.

 

  • 12A  għal Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva addattati biss għall-persuni li jkunu għalqu 12-il sena u fuqhom, iżda persuni ta’ età iżgħar  jistgħu jarawhom biss jekk ikunu akkumpanjati minn persuna adulta. In-numru  "12A"  għandu  jkun  f’ċirku  tal-kulur oranġjo.

 

  • 12 għal Servizzi  tal-Midja Awdjoviżiva addattati biss għal persuni li jkunu għalqu 12-il sena. In-numru "12" għandu jkun f’ċirku tal-kulur oranġjo.

 

  • 15 għal Servizzi  tal-Midja Awdjoviżiva addattati biss għal persuni li jkunu għalqu 15-il sena. In-numru "15" għandu jkun f’ċirku tal-kulur kannella.

 

  • 18 għal Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva addattati biss għal persuni li jkunu għalqu 18-il sena. In-numru "18" għandu jkun f’ċirku tal-kulur kannella.

 

 

Dan it-tibdil jirrifletti aħjar il-klassifikazzjonijiet internazzjonali ta’ kontenut kemm televiżiv kif ukoll ċinematografiku u b’hekk dan għandu jkun miftiehem iktar.

 

 

 

Is-Sinjali ta’ Kontenut ta’ Ħsara Potenzjali

 

Barra minn hekk, il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18, qed tintroduċi l-kunċett ta’ sistema ta’ sinjali għall-kontenut ta’ ħsara potenzjali. Dawn is-sinjali għandhom jirriflettu r-raġunijiet l-għala s-Servizz tal-Midja Awdjoviżiva jkun iddeċieda l-klassifikazzjoni relattiva. Is-sinjali li jridu jintużaw huma s-segwenti;

 

 SINJALI

 

 

Kemm is-sistema ta’ klassifikazzjoni kif ukoll is-sinjali tal-kontenut ta’ ħsara potenzjali għandhom jintwerew sovvraposti għall-ewwel 60 sekonda. F’każi ta’ waqfiet fil-programm, iċ-ċertifikazzjonijiet iridu jidhru matul l-ewwel 30 sekonda malli jerġa’ jibda jixxandar wara kull waqfa.

Importanti li s-sinjali ta’ klassifikazzjoni u s-sinjali tal-kontenut jintużaw skont il-każ fil-ġeneri kollha ta’ programmar. Xejn ma għandu jinftiehem li dawn is-sinjali huma intiżi biss biex jakkumpanjaw sensiliet ta’ drama u xogħlijiet ċinematografiċi.  

Infakkarkom illi x-xandara kienu, u għadhom, obbligati li jkollhom persuna responsabbli minn dan u li isem din il-persuna għandu jkun ikkomunikat lill-Awtorità tax-Xandir. L-Awtorità għandha tinżamm infurmata wkoll mill-aktar fis kemm-il darba jkun hemm tibdil b’rabta ma’ dan ir-rwol.

L-Awtorità tagħraf li l-istazzjonijiet għandhom bżonn jagħmlu l-arranġamenti tekniċi u viżivi neċessarji biex dawn ir-regoli jiġu implimentati. Għaldaqstant se tkun qed tagħti perjodu ta’ tliet xhur sakemm l-istazzjonijiet jippreparaw għal dawn it-tibdiliet. Għalhekk l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni tiġi fis-seħħ mal-bidu tal-iskeda tal-ħarifa/xitwa 2021 ossia mill-iskeda ta’ programmi li ġeneralment jibdew fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru 2021.

Fid-dawl ta’ Para. 3.1(ii) ta’ din il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja, li jirreferi għal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.01 (Regolamenti dwar Ċertifikati ta’ Klassifikazzjoni għall-Programmi Televiżivi) ix-xandara għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-persuna responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikazzjonijiet hawnhekk imsemmija, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2021.

Il-penali marbuta man-nuqqas ta’ ħarsien ta’ din il-leġiżlazzjoni tinsab fi Skeda 5 tal-Att dwar ix-Xandir u ġġib magħha penali ta’ Eur 1,160.

Il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18  tapplika wkoll għar-radju skont il-każ u fejn hu possibbli.

Mehmuża ma’ din iċ-ċirkulari jinsabu tliet verżjonijiet ta’ sinjali ta’ kontenut ta’ ħsara potenzjali (bi sfond differenti skont il-każ) sabiex ikunu jistgħu jintużaw mis-servizzi skont il-każ kif ukoll kopja tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18, Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja kif emendata.

350_18mt

350_18en

 

 

Dr Joanna Spiteri                                                                                             2 ta’ Lulju 2021

Kap Eżekuttiv                                                                                                  Ref.154/00