Ċirkulari 5/11
Lill-Istazzjonijiet Kollha tar-Radju tal-Komunità
Minn żmien għal żmien l-Awtorità tax-Xandir tqabbad nies tekniċi mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni (MCA) biex iwettqu testijiet ħalli jiġi stabbilit li kull stazzjon tal-komunità qed ixandar fil-parametri tekniċi elenkati fil-liċenzja maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir. Dan skont Artiklu 18 tal-Att Dwar ix-Xandir.
F’każ li xi stazzjon jinstab li jkun qed ixandar b’qawwa aktar milli permessibbli fil-liġi, inkun kostrett noħroġ akkuża kontra dak l-istazzjon bil-multa massima tilħaq l-€2,330. Barra minn hekk, jekk jirriżulta li stazzjon ikun qed ixandar b’qawwa aktar milli suppost, ikollu jħallas l-ispejjeż relatati mat-testijiet tekniċi li jkunu saru.
Nittama li kulħadd jifhem il-ħtieġa ta’ dawn il-parametri tekniċi stabbiliti mill-Awtorità tax-Xandir fl-għoti tal-liċenzji. Xandir aktar milli permessibbli mill-liġi ħafna drabi joħloq interferenza ma’ stazzjonijiet oħra tal-komunità, dawk nazzjonali u saħansitra jista’ jaffettwa x-xogħol tal-kontrolluri tal-ajru. Min-natura tagħhom, stazzjonijiet tar-radju tal-komunità huma intenzjonati li jservu l-komunità li joperaw fiha. Huwa proprju għalhekk li l-ħlas tal-liċenzja huwa baxx meta mqabbel ma’ dak li jħallsu stazzjonijiet nazzjonali.
Infakkarkom ukoll fil-ħtieġa li reklamar li jixxandar fuq l-istazzjon tal-komunità tagħkom għandu jkun marbut mal-lokalità li toperaw fiha. Biex inkun aktar ċar, ma jistax isir reklam ta’ ħanut jew ażjenda li ma jinsabx/tinsabx fil-lokalità li fiha jopera l-istazzjon tal-komunità.
Regolament ieħor stabbilit bil-liġi jikkonċerna l-ammont ta’ sigħat ta’ xandir f’ġimgħa li radju tal-komunità huwa fid-dmir li jxandar. Paragrafu 3(g) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir jistipula li stazzjon għandu jxandar għal ta’ lanqas 20 siegħa fil-ġimgħa. Fin-nuqqas ta’ dan, stazzjon ikun qed jikser il-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzja u l-Awtorità jkollha dritt tirrevoka l-istess liċenzja.
Punt ieħor li spiss joħloq problemi lill-Awtorità tax-Xandir huwa d-dewmien esaġerat biex l-operaturi japplikaw għal perijodu ieħor ta’ sentejn wara li tiskadi l-liċenzja. Minkejja illi minn tliet xhur qabel jibdew jirċievu notifikamenti biex ifakkruhom dwar il-ħtieġa li jerġgħu japplikaw, mhux l-ewwel darba li xi operaturi ħallew għall-aħħar ftit jiem. L-Awtorità qed tagħmilha ċara li min ikompli jxandar mingħajr il-permess tagħha, ikun qed jikser il-liġi bil-konsegwenzi li din iġġib magħha. Għalhekk, huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-operaturi jissottomettu d-dokumentazzjoni meħtieġa fi żmien xieraq biex kull talba tiġi eżaminata bir-reqqa mill-Bord. Infakkarkom ukoll li kull applikazzjoni irid ikollha magħha tliet ittri minn għaqdiet tal-lokal li jsostnu l-impenn u l-ħtieġa għal dak l-istazzjon tal-komunità f’dik il-lokalità partikolari.
Bi ftit sforz u daqsxejn aktar attenzjoni, konvint li la jkolli għaliex niġbdilkom l-attenzjoni għal xi nuqqasijiet u wisq anqas noħroġ akkuża fil-konfront tal-istazzjon tagħkom dment li ma tinkisirx il-liġi.
Nieħu l-opportunità biex nawguralkom għal hidmietkom. L-Awtorità tinsab konxja li ħafna minnkom qed jagħmlu sforz ġenwin biex ir-radjijiet tal-komunità jibqgħu jwasslu leħinhom fil-lokalità permezz ta’ għadd ta’ voluntiera li jagħtu sehemhom għal dan il-għan.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
15 ta’ Marzu 2011
Ref 3/91