05/20 - 17 June 2020




Ċirkulari 05/20

Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tax-xandir

L-Awtorità tax-Xandir ilha tinnota li fuq l-istazzjonijiet lokali qed jixxandru diversi verżjonijiet ta’ reklami ta’ St Mary’s Clinic, Beauty & Medical bi promozzjoni għal interventi mediċi permezz ta’ stem cells treatment. F’dawn ir-reklami jidhru persuni jirrakkuntaw l-esperjenza diffiċli tagħhom kawża ta’ problemi ta’ saħħa u li wara l-kura msemmija fir-reklam, essenzjalment ħajjithom inbidlet għall-aħjar fi ftit żmien.

Wara konsultazzjoni mad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, jirriżulta li dawn ir-reklami qed jixxandru bi ksur tal-L.S. 350.30 Ħtiġiet dwar Standards u Prattika fuq Programmi li Jinvolvu l-Parteċipazzjoni ta’ ċerti Professjonisti fil-Kura Medika fil-Mezzi tax-Xandir u Ħtiġijiet dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi li japplikaw għall-Prodotti u Trattamenti Mediċinali fid-dawl tan-nuqqas ta’ evidenza xjentifika inkonnessjoni ma’ dan it-tip ta’ trattament, kif ukoll, possibilment, bi ksur tal-L.S. 483.04, Regolamenti dwar Tessuti u Ċelloli Umani Kodifikazzjoni, Ipproċessar, Preservazzjoni, Ħżin u Distribuzzjoni) minħabba li ma hemmx indikazzjoni ta’ min huma l-istem cells li ssir referenza għalihom fir-reklami.

Għaldaqstant nitlobkom sabiex dawn ir-reklami jieqfu jixxandru minnufih sabiex b’hekk ma jkunx hemm għalfejn jittieħdu azzjonijiet ulterjuri fil-konfront tal-istazzjon.

Dr Joanna Spiteri 
17 ta’ Ġunju, 2020
Kap Eżekuttiv