05/21 - 12 October 2021




Ċirkulari 05/21

 

Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tax-Xandir (televiżjoni)

 

Nixtieq niġbdilkom l-attenzjoni għall-Artiklu 16M(3)(e) fl-Att dwar ix-Xandir li jagħmilha ċara li fil-programmi li fihom isir tqegħid ta’ prodotti kummerċjali, “it-telespettaturi għandhom ikunu mgħarrfa b’mod ċar bl-eżistenza tat-tqegħid tal-prodott permezz ta’ identifikazzjoni xierqa fil-bidu u fit-tmiem tal-programm, u meta l-programm jerġa’ jibda wara waqfa għar-reklami, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni min-naħa tat-telespettaturi”.

 

Dan il-provvediment kien enfasizzat anke fir-reach out li l-Awtorità tax-Xandir tellgħet fil-jiem li għaddew, għall-istazzjonijiet u d-djar tal-produzzjoni. Mill-analiżi li saret mid-Dipartiment tal-Moniteraġġ jirriżulta li filwaqt li f’ħafna istanzi t-telespettaturi qed ikunu mgħarrfa bl-eżistenza tat-tqegħid tal-prodott b’mod korrett fil-bidu tal-programm, mhux l-istess ħaġa qed tiġri wara l-waqfiet għar-reklami u fi tmiem il-programmi.

 

Kif ġie spjegat fir-reach out, “l-identifikazzjoni xierqa” li għaliha qed jirreferi dan il-provvediment mhijiex neċessarjament/biss il-caption bil-kliem “F’dan il-programm jidhru xi prodotti kummerċjali”. Filwaqt li dan il-metodu kien u għadu meqjus tajjeb, l-Awtorità tax-Xandir, sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan il-provvediment, ser tkun qed tikkunsidra wkoll li jkun hemm “identifikazzjonijiet xierqa” differenti kemm-il darba dan ikun ċar għat-telespettaturi.

 

Għaldaqstant qed nitolbukom li sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2021 tgħaddulna l-ideat tagħkom dwar l-aħjar mod li bih jista’ jiġi implimentat dan il-provvediment. Min-naħa tagħha, l-Awtorità ser tkun qed tevalwa s-sottomissjonijiet tagħkom u eventwalment ser tidderieġi lill-istazzjonijiet fir-rigward sabiex ikun hemm uniformità fl-applikazzjoni fost is-servizzi. F’każ li ma jkunx hemm proposti min-naħa tal-istazzjonijiet, l-Awtorità ser tkun qed tagħti l-gwida tagħha rigward l-applikazzjoni ta’ dan il-provvediment.

 

Filwaqt li nirringrazzjakom bil-quddiem tal-kontribut tagħkom, infakkarkom li dan l-eżerċizzju ser jgħin sabiex ikun applikat b’mod korrett wieħed mill-elementi bażiċi li jirregolaw l-użu tat-tqegħid tal-prodott sabiex fuq kollox inkomplu ntejbu l-esperjenza tat-telespettaturi u l-kwalità fix-xandir.

 

 

 

Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv

12 t’Ottubru, 2021

Ref.51/61