05/23 - 31 ta' Awwissu 2023




Ċirkulari  05/23

 

Lill-Istazzjonijiet Kollha tar-Radju u Televiżjoni

 

 

It-Tema tas-Suwiċidju fix-Xandir

 

L-Awtorità tax-Xandir qed tinnota li kulma jmur is-suwiċidju qed isir suġġett iktar topiku. Fid-dawl ta’ dan, minkejja l-bżonn ta’ iktar għarfien dwar din ir-realtà, l-Awtorità tax-Xandir temmen li dan is-suġġett għandu jkun dejjem trattat bl-ikbar kawtela. Dan minħabba firxa wiesgħa ta’ riperkussjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-inklużjoni ta’ din it-tema fix-xandir.

 

Minn punto di vista legali, il-L.S. 350.16, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Kif Għandhom  Ikunu Rappurtati t-Traġedji fix-Xandir, Taqsima 6, tgħid li;

 

Is-suwiċidju ma għandux jissemma ħlief f’ċirkostanzi straordinarji. Importanti ħafna li jinħarbu dettalji ta’ suwiċidji meta jkun hemm xi aspett ġdid li jista’ jkun ikkupjat. Wieħed irid ukoll joqgħod attent għall-kliem li jagħżel biex jiddeskrivi l-ġrajja

 

Filwaqt li m’hemm l-ebda dubju li dan il-provvediment, li jiffoka speċifikament fuq ir-rappurtaġġ fl-aħbarijiet, irid jitħares b’mod rigoruż mix-xandara, nifhmu li s-sitwazzjoni fil-kuntest ta’ programmi ta’ diskussjoni tista’ twassal għal trattament usa tat-tema inkwistjoni. 

Dan jista’ jwassal għal diffikultajiet bla bżonn minħabba li s-suwiċidju ma jkollux biss riperkussjonijiet fuq dawk li jgħaddu minnu, iżda wkoll fuq in-nies ta’ madwarhom.

 

Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, l-Awtorità tax-Xandir qed titlob lix-xandara kollha sabiex ikunu sensittivi ferm fit-trattament ta’ din it-tema, kemm minn aspett ta’ kontenut verbali kif ukoll minn aspett ta’ kontenut viżiv. Dan sabiex ix-xandir ikun biss mezz ta’ kif wieħed itejjeb is-sitwazzjoni, mingħajr ma jittieħed ebda riskju dwar il-possibilità ta’ iktar uġigħ u diffikultà għal dawk kollha kkonċernati.

 

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
31 ta’ Awwissu 2023

Ref. 144/01