Ċirkulari 05/25
Lill-Istazzjonijiet Kollha tar-Radju u Televiżjoni
Traduzzjoni ta’ Ilsna mhux Uffiċjali
Ai termini ta’ Artiklu 5(2) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-ilsna uffiċjali ta’ Malta huma l-ilsien Malti u l-ilsien Ingliż. Fil-kuntest ta’ xandir, il-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, L.S.350, jistabbilixxi numru ta’ dmirijiet li x-xandara għandhom sabiex jaraw li l-ilsien Malti jiġi effettivament użat tajjeb.
Għalhekk, fid-dawl tal-kontenut li wieħed jistenna li jixxandar matul dan il-perjodu b’rabta mal-mewt u l-funeral tal-Papa Franġisku (iżda mhux biss), l-Awtorità tax-Xandir qed tiġbdilkom l-attenzjoni u tfakkarkom illi huwa dmirkom li tieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex f’każijiet fejn jixxandar kontenut b’ilsien mhux uffiċjali, tiżguraw li jsiru traduzzjonijiet u adattamenti xierqa bbażati fuq il-prinċipji fundamentali tat-traduzzjoni. Dawn jinkludu, fost oħrajn, traduzzjoni verbali jew miktuba (sotto-titli).
Kull nuqqas f’dan ir-rigward jikkostitwixxi ksur tal-Kodiċi dwar l-Użu Tajjeb tal-Ilsien Malti fil-Mezzi tax-Xandir, L.S.350.10; dan jista’ jwassal għal penali amministrattiva ta’ mill-inqas €1,750 hekk kif stabbilit fil-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
23 ta’ April 2025
Ref : 73/01