06/21 - 15 Dec 2021




Ċirkulari 06/21

 

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità

 

Ri-Trażmissjoni ta’ Programmi u Żamma ta’ Log Tapes

 

 

Minn eżerċizzju li sar riċentament mill-Awtorità tax-Xandir jidher li hemm numru ta’ radjijiet tal-komunità li bħala parti mill-iskeda ta’ programmi tagħhom qed jinkludu t-trażmissjoni ta’ radjijiet b’liċenzja ta’ xandir fuq bażi nazzjonali.

 

Din il-prassi ma tistax tiġi aċċettata peress li tmur kontra l-ispirtu ta’ liċenzja ta’ radju tal-komunità li l-għan prinċipali tiegħu huwa li joffri kontenut ta’ rilevanza speċifika għall-komunità li għaliha huwa lliċenzjat li jxandar.

 

Għaldaqstant, permezz ta’ din iċ-ċirkulari l-Awtorità tax-Xandir qed tipprojbixxi li fuq ir-radjijiet tal-komunità jixxandru;

 

  • partijiet integrali minn trażmissjonijiet ta’ radjijiet oħra
  • programmi li jixxandru fuq radjijiet oħra
  • simulcasting ma’ radjijiet oħra

 

Il-projbizzjoni f’dawn it-tliet punti tapplika għall-kontenut meħud minn servizzi oħra nazzjonali (radjijiet nazzjonali) kif ukoll għall-kontenut meħud minn fuq servizzi internazzjonali (radjijiet internazzjonali).

 

Niġbdulkom l-attenzjoni wkoll għall-importanza taż-żamma tax-xandiriet tagħkom għal perjodu ta’ 90 ġurnata. Din hija wkoll waħda mill-kundizzjonijiet li jridu jiġu rispettati u li hija stipulata fid-dokument tal-liċenzja abbażi tal-provvedimenti fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir. 

 

Infakkarkom li minn żmien għal żmien l-Awtorità tax-Xandir tkun qed twettaq eżerċizzji varji sabiex tara li l-istazzjonijiet tal-komunità qed jaderixxu mal-provvedimenti u l-kundizzjonijiet fil-liċenzja. F’każ ta’ nuqqasijiet, l-Awtorità tax-Xandir tista’ tipproċedi kontra l-istazzjon skont il-każ.

 

 

 

Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv

15 ta’ Diċembru 2021

Ref.3/91