Ċirkulari 06/25
Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tat-Televiżjoni
Kampanja dwar l-użu ta’ Kokaina.
“Id-Droga Tweġġa’ Lilek u Lil ta’ Madwarek”
Fid-dawl tal-kampanja bit-tema “Id-Droga Tweġġa’ Lilek u Lil ta’ Madwarek” li bħalissa qiegħda tixxandar fuq uħud mill-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar l-abbuż tad-drogi u l-konsegwenzi serji li jġib miegħu, nixtiequ niġbdulkom l-attenzjoni sabiex din il-kampanja (kif inhi), ma tixxandarx barra mill-ħinijiet permessi għal kontenut għall-adulti hekk kif stipulat fil-Leġislazzjoni Sussidjarja S.L. 350.18, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika Dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi Għall-Familja. Din il-leġislazzjoni tagħmilha ċara li tali kontenut għandu jixxandar biss wara d-21:30.
Din iċ-ċirkulari qed tinħareġ fid-dawl tal-verżjoni li qed tixxandar bħalissa, li fiha elementi grafiċi li jistgħu jaffettwaw partikolarment lit-telespettaturi żgħar u mingħajr preġudizzju għall-verżjonijiet futuri. Il-produtturi tal-ispots fehmu li dan huwa kontenut li jrid jixxandar f'ħin immirat lill-adulti.
Filwaqt li nifhmu li kull kampanja li tixxandar għandha l-għan li tqajjem kuxjenza ġenwina u ssir b’intenzjoni tajba u responsabbli, nemmnu li għandu jkun hemm ukoll riflessjoni fuq kif materjal simili jista’ jiġi ppreżentat b’mod li jikkunsidra aħjar l-impatt fuq il-minorenni. Dan għandu jwassal għal bilanċ bejn l-informazzjoni u l-protezzjoni meħtieġa għal udjenzi vulnerabbli.
Għaldaqstant, waqt li nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzjakom tal-impenn kontinwu tagħkom biex jiġu indirizzati temi importanti u relevanti fis-soċjetà tagħna, nistednukom sabiex tieħdu l-passi neċessarji sabiex din il-kampanja effettivament tħalli l-frott meħtieġ.
Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
26 ta’ Ġunju 2025
Ref : 154/00