07/21 - 23 Dec 2021




Ċirkulari 07/21

 

Ċirkulari lix-Xandara

 

Kors għal dawk li jiktbu u jaqraw bil-Malti fuq il-mezzi tax-xandir

L-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qed jorganizzaw kors qasir għall-impjegati tal-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju, is-siti elettroniċi tal-aħbarijiet, u d-djar privati tal-produzzjoni tal-programmi li f’xogħolhom jiktbu u jaqraw bil-Malti. Fost dawn hemm: il-preżentaturi u l-produtturi tal-programmi tat-televiżjoni u r-radju, il-kittieba tal-iskripts tal-programmi u tad-drama, il-ġurnalisti tal-aħbarijiet u tal-isports (televiżjoni/radju/diġitali), il-qarrejja tal-aħbarijiet, il-qarrejja tar-reklami, u d-DJs ta’ programmi tar-radju.

Il-kors twil seba’ ġimgħat u se jsir online, fid-dati indikati hawn taħt. Kull sessjoni tingħata diretta online mid-9:00am sal-11:00am.

SESSJONI

DATA

QASAM LINGWISTIKU

1

Il-Ħamis, 13 ta’ Jannar 2022

Is-Sengħa tal-Kitba

2

Il-Ħamis, 20 ta’ Jannar 2022

Il-Pronunzja u d-Dizzjoni

3

Il-Ħamis, 27 ta’ Jannar 2022

Is-Sengħa tal-Kitba

4

Il-Ħamis, 3 ta’ Frar 2022

It-Traduzzjoni

5

It-Tnejn, 7 ta’ Frar 2022

It-Traduzzjoni

Ir-Riżorsi tal-Malti

6

Il-Ħamis, 17 ta’ Frar 2022

Il-Pronunzja u d-Dizzjoni

7

Il-Ħamis, 24 ta’ Frar 2022

Is-Sengħa tal-Kitba

 

Kif jidher mit-tabella t’hawn fuq, dan il-kors jiffoka fuq aspetti importanti, bħas-sengħa tal-kitba u l-pronunzja, li kull min jikteb u jaqra għall-pubbliku fuq ix-xandir u fuq l-internet għandu jkun konxju minnhom. Ma jinkludix komponent tal-ortografija għax għandna l-ħsieb norganizzaw kors qasir ieħor apposta fuqha ’l quddiem.

Jekk jogħġobkom dawru din iċ-ċirkulari mal-impjegati tagħkom u mal-kumpaniji li jipproduċulkom il-programmi ħalli jkunu mgħarrfa. Nitolbukom ukoll biex tibagħtu mqar persuna mill-istazzjon tagħkom u tħajru wkoll persuni oħra mid-djar tal-produzzjoni li taħdmu magħhom għal dan il-kors qasir ta’ żvilupp professjonali. Min jattendi mitlub biex waqt is-sessjonijiet, kemm jista’ jkun, ikollu l-kamera mixgħula u jsegwi kull sessjoni minn post għall-kwiet bl-inqas tfixkil possibbli. B’hekk il-kontenut tal-kors jitwassal b’mod aktar effettiv.

Fi tmiem il-kors, min ikun attenda u pparteċipa f’minimu ta’ 12-il siegħa (minn total ta’ 14-il siegħa), jingħata ċertifikat ta’ attendenza mill-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Dawk kollha interessati li japplikaw għandhom jagħmlu dan sas-6 ta’ Jannar 2022 billi jimlew il-formola mehmuża u jibagħtuha fuq info.ba@ba.org.mt

Il-kors jiswa €25. Il-ħlas jista’ jsir b’ċekk indirizzat lill-Awtorità tax-Xandir jew bi trasferiment bankarju fil-kont tal-Lombard Bank nru (IBAN): MT58LBMA05000000000001172103044.

 

 

Kors għal dawk li jiktbu u jaqraw bil-Malti fuq il-mezzi tax-xandir

Formola tal-applikazzjoni

 

Nixtieq napplika għal dan il-kors fil-Malti ta’ seba’ ġimgħat, organizzat mill-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Nikkonferma li jiena nikteb u naqra bil-Malti fuq il-mezzi tax-xandir u li nista’ nsegwi dan il-kors online minn post għall-kwiet, bil-kamera mixgħula, fit-13, 20, 27 ta’ Jannar u fit-3, 7, 17 u 24 ta’ Frar 2022 mid-9:00 sal-11:00am.

 

Isem u kunjom:                     ________________________________________________

Stazzjon/kumpanija:            ________________________________________________

Kariga/rwol:                           ________________________________________________

Livell edukattiv:                    ________________________________________________

Indirizz elettroniku:              ________________________________________________

Numru ta’ kuntatt:               ________________________________________________

 

Il-ħlas ta’ €25 mal-applikazzjoni bgħattu b’ċekk/trasferiment bankarju fil-kont tal-Lombard Bank nru (MT58LBMA05000000000001172103044) lill-Awtorità tax-Xandir.

  

 

 

                                                                                                                                                                Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv

23 ta’ Diċembru, 2021

Ref. 73/01