[07/22] Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti




Stqarrija għall-Istampa

11 ta’ Marzu 2022

PR 07/22

 

Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

 

L-Awtorità tkompli tagħti s-sehem tagħha biex tgħolli l-kwalità fix-xandir u dan fost l-oħrajn billi tara li t-tħaddim tal-lingwa Maltija jsir b’mod tajjeb u b’mod professjonali.  Fil-fatt dan kien wieħed mir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport ta’ kwalità li kienet nediet l-Awtorità stess ftit tas-snin ilu. Għaldaqstant għal sena oħra l-Awtorità tax-Xandir għażlet li tissussidja numru ta’ xandara, ġurnalisti u produtturi tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva biex jattendu għall-kors li jwassal għaċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti.

 

Din is-sena, l-Awtorità qed tissussidja l-ħlas tal-kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti għal erba’ persuni li jikkontribwixxu fix-xandir.  L-erba’ parteċipanti li applikaw għal dan il-kors u li qed jingħataw is-sussidju huma Joanna Camilleri (PBS), Joe Mikallef (medialink), Francesca Attard (PBS), u Steward Said, ġurnalist sportiv. Il-kors hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti, u jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF). Dawn ix-xandara se jkunu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien fit-tħaddim tal-lingwa Maltija u dan iwassal biex ir-rapporti tal-aħbarijiet u l-kontenut fix-xandir ikun ta’ kwalità fir-rigward tal-użu tal-ilsien Malti.

 

Minbarra dan l-isponsorship, l-Awtorità għadha kif temmet kors li sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fejn numru ta’ xandara attendew għal dan il-kors bil-għan li jkomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom fit-tħaddim tal-lingwa Maltija.

Waqt il-preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn l-Awtorità tax-Xandir [mix-xellug] Joe Mikallef, Francesca Attard, iċ- Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir is-Sur Frank V. Farrugia, Dr Joanna Spiteri Kap Eżekuttiv u Joanna Camilleri.

Stewart Said ma kienx preżenti għall-iffirmar tal-ftehim.