09/08 - 03Mar2008




Jumejn tas-Silenzju

Infakkar lill-istazzjonijiet kollha dwar l-obbligi tagħhom fil-jum tas-silenzju, jiġifieri nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Marzu u nhar is-Sibt, 9 ta’ Marzu 2008.

Flimkien ma’ din iċ-ċirkulari qed nehmeż kopja tal-paragrafi 5 u 6 tad-Direttiva dwar Programmi u Reklami Mxandra matul il-Perijodu mill-11 ta’ Frar sat-8 ta’ Marzu 2008.

Qed nehmeż ukoll ma’ din iċ-Ċirkulari kopja tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar id-Diversi Tipi ta’ Stħarriġ ta’ l-Opinjoni Pubblika Mxandra fuq is-Servizzi ta’ Radju u Televiżjoni li japplikaw ukoll.

Dr Kevin Aquilina
Kap Esekuttiv
3 ta’ Marzu 2008
Re 10/62


Regolamenti li l-istazzjonijiet tax-xandir iridu jobdu matul il-ġurnata qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni.

5. (1) Matul il-jum qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni (minn issa ‘l quddiem magħruf bħala  “il-kampanja ta’ żmien is-skiet”), ma jista’ jsir ebda xorta ta’ xandir li  b’xi mod jista’ jinfluenza l-votanti.

(2) Bla ebda preġudizzju għas-sub-artiklu (1) ta’ dan l-artiklu, matul il-kampanja ta’ żmien is-skiet ser jidħlu fis-seħħ dawn ir-regolamenti:

(i) għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet minn stazzjonijiet tax-xandir li matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet ikunu trasmessi programmi li jistgħu raġonevolment jiġu interpretati li qed jixxandru bil-ħsieb li jinfluwenzaw il-votanti;

(ii) trid tieqaf kull xorta ta’ preżentazzjoni mix-xandir tal-partiti politiċi, kandidati u ta’ movimenti u organizzazzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet;

(iii) l-istazzjonijiet tax-xandir ma jxandrux tagħrif, dikjarazzjonijiet, stqarrijiet tal-gvern lill-istampa u lix-xandir, kif ukoll dawk ta’ l-oppożizzjoni, tal-kandidati, tal-politiċi, tal-partiti politiċi u ta’ organizzazzjonijiet u movimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet, u kull xorta ta’ xandir ieħor li bil-miftuħ jew bil-moħbi għandu natura politika, għandu kontenut politiku jew li tista’ b’xi mod tinfluenza d-deċiżjoni tal-votanti. Lanqas ma jistgħu jixxandru reklami informattivi mtella’ minn entitajiet pubbliċi, inkluż Public Service Announcements, sakemm dawn ma jkunux ta’ interess ġenerali u ta’ natura urġenti;

(iv) dan li ġej ma jistax isir:

  • propaganda,
  • tagħrif li għandu x’jaqsam mal-kampanja elettorali, u
  • avviżi maħsuba għall-preżentazzjoni ta’ programmi, logos, mottos u simboli ta’ partit politiku u ta’ kandidat;

(v) ma tistax issir kull xorta ta’ preżentazzjoni fix-xandir li b’xi mod hi dwar il-kampanja elettorali (bħalma huma preżentazzjonijiet, propaganda politika, programmi ta’ diskussjoni, intervisti, eċċ);

(vi) fir-rapporti dwar il-votazzjoni u attivitajiet oħra dwar l-elezzjonijiet, l-istazzjonijiet jitħallew ixandru bil-prudenza kollha tagħrif dwar fatti li jkollhom valur ta’ aħbar evidenti bħal ksur li seta’ sar fil-proċeduri tal-votazzjoni kif ukoll dwar xi inċidenti li jinqalgħu fil-post tal-votazzjoni jew barra u wkoll dikjarazzjonijiet uffiċjali dwar kifinhi sejra l-votazzjoni hekk kif dawn joħorġu minn ħin għall-ieħor mill-Kummissjoni Elettorali basta li ma tkunx aħbar maħruġa mill-partiti politiċi jew mill-kandidati nfushom jew aħbar ipprovokata jew ġenerata mill-partiti politiċi jew mill-kandidati jew għall-gwadann politiku.

(3) Jistgħu jixxandru, dikjarazzjonijiet u stqarrijiet dwar xi inċidenti msemmija f’paragrafu (vi) ta’ sub-artiklu (2) ta’ dan l-artiklu li joħorġu matul il-kampanja ta’ żmien is-skiet, meta jkunu għalqu l-postijiet kollha tal-votazzjoni.

(4) Għall-għan ta’ dan l-artiklu:

"propaganda" favur jew kontra, tfisser kull xorta ta’ preżentazzjoni ta’ xandir li għandha x’taqsam b’xi mod mal-kampanja elettorali. Propaganda tinkludi wkoll kull preżentazzjoni fuq il-mezzi kollha tax-xandir ta’ kandidati, simboli, sinjali jew għeliem oħra u materjal propagandistiku ta’ partiti politiċi u movimenti u organizzazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet.

"tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kampanja elettorali" tfisser ġabriet ta’ aħbarijiet u programmi oħra li jagħtu:

  • tagħrif dwar kull xorta ta’ ħidma ta’ propaganda li saret qabel ma waslet biex tibda l-kampanja ta’ żmien is-skiet;
  • dikjarazzjonijiet u stqarrijiet tal-partiti politiċi, kandidati u  organizzazzjonijiet u movimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet;
  • tagħrif dwar x’jagħmlu dawk li għandhom funzjoni fl-uffiċji tal-Gvern u l-uffiċjali li għandhom x’jaqsmu mal-kampanja ta’ l-elezzjonijiet (ftuħ ta’ bini ġdid u affarijiet ta’ l-infrastruttura, varar ta’ proġetti, riżultati u kisbiet, jew bħala rapporti f’xandiriet regolari jew speċjali, eċċ.);

"avviżi maħsuba biex jidhru fi programmi, logos, mottos u simboli/għeliem ta’ partit politiku, kandidat, moviment u organizzazzjoni oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ l-elezzjonijiet” tfisser kull xorta ta’ propaganda politika (avviżi, stqarrijiet, reklamar politiku, rekordings jew siltiet minn xi rekordings ta’ ġemgħat ta’ nies u dehriet oħra fil-pubbliku ta’ dawk li qed jieħdu sehem fil-kampanja ta’ l-elezzjonijiet).

(5) Mingħajr preġudizzju għal dak li jingħad fis-subartikoli preċedenti ta’ dan l-artikolu, l-ebda stazzjon m’għandu jxandar materjal dwar l-elezzjonijiet  matul il-perijodu ta’ żmien is-skiet. Dan japplika għal kull programm tat-televiżjoni u radju, inkluż l-aħbarijiet u japplika kemm għall-kontenut lokali u għall-kontenut barrani.

(6) F’jum il-votazzjoni hu permess li jixxandar dan li ġej:

i) l-andament tal-votazzjoni, jiġifieri informazzjoni dwar kemm ivvutaw nies u informazzjoni dwar x’ikun qed jiġri fil-postijiet tal-votazzjoni;

ii) kull meta jissemmew il-kandidati ta’ l-elezzjonijiet, l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi (NET TV, Radio 101, Super One Radio, u One TV) għandhom isemmu l-ewwel il-kandidati tal-partit rispettiv tagħhom, imbagħad jissemmew il-kumplament tal-kandidati skond il-polza tal-vot; u l-istazzjonijiet l-oħra kollha li jagħżlu li jsemmu l-kandidati ta’ l-elezzjonijiet għandhom isemmuhom fl-ordni li jidhru fih fil-polza tal-vot;

iii) jistgħu jidhru biss fuq l-istazzjonijiet ir-rappreżentanti tal-partiti segwenti: MLP - Mexxej u żewġ Deputati Mexxejja; PN - Kap, Viċi Kap u Segretarju Ġenerali; AD – Chairperson u Deputat Chairperson; AN – Kap u Viċi-Kap. Dawn iridu jidhru biss dieħlin jivvutaw u jixħtu l-vot. Bl-ebda mod m’għandhom jixxandru kummenti tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir sa l-egħluq tal-votazzjoni;

iv)  L-istazzjonijiet ma jistgħu jwasslu l-ebda messaġġ li jista’ jwassal biex jinfluwenzaw il-votant. Barra minn hekk m’għandhomx l-anqas iħeġġu lin-nies biex imorru jivvutaw jew biex ma jmorrux jivvutaw.

Stħarriġ ta’ l-Opinjoni Pubblika.

6.  L-Awtorità tirreferi wkoll għal Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika ta’ l-2007 dwar id-Diversi Tipi ta’ Stħarriġ ta’ l-Opinjoni Pubblika Mxandra fuq is-Servizzi ta’ Radju u Televiżjoni li għandhom disposizzjonijiet relatati ma’ l-elezzjonijiet. Kopja ta’ dawn il-Ħtiġijiet hija mehmuża ma’ din id-Direttiva.