09/10 - 19 Jul 2010




Ċirkulari 9/10

Spjegazzjoni tal-Audio Visual Media Services Directive

Mill-1 ta’ Ġunju 2010 daħlu fis-seħħ tibdiliet fl-Att dwar ix-Xandir. Dan it-tibdil jirrifletti d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Audio Visual Media Services Directive, li torbot l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ din iċ-ċirkulari, se nelenka liema huma l-bidliet prinċipali li jolqtu l-industrija audioviżiva. Minbarra din iċ-ċirkulari, l-Awtorità tax-Xandir beħsiebha torganizza numru ta’ laqgħat għal dawk involuti fl-industrija sabiex tispjega aħjar dawn id-dispożżijonijiet.

Tibdil fl-Att Dwar ix-Xandir

Fil-qosor, it-tibdil prinċipali ġie rifless f’Artiklu 16 tal-Att Dwar ix-Xandir kif ukoll f’numru ta’ Avviżi Legali bl-iktar wieħed importanti jkun dak li emenda t-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir.

Artiklu 16 issa ġie estiż b’Artikli ġodda riflessi taħt Parti IIIB tal-liġi. L-Artikli l-ġodda huma minn 16G sa 16P. Fost l-iktar importanti hemm 16K li huwa dwar ir-reklamar li issa sar magħruf bħala ‘komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva’. Dan l-artiklu l-ġdid jirrifletti kundizzjonijiet marbuta ma’ komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva li qabel kienu jiffurmaw parti mit-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir.

Importanti tkunu tafu li issa komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva (reklamar) b’ħabi taqa’ taħt dan l-artiklu li miegħu hemm marbuta penali ta’ €2,330.

L-Artiklu 16M jitratta kunċett ġdid fil-liġi – it-tqiegħid tal-prodott (product placement). Dwar dan il-kunċett hemm diversi eċċezzjonijiet li se nelenka aktar ‘l isfel f’din iċ-ċirkulari.

Tibdil fit-Tielet Skeda

Mill-Avviżi Legali marbuta mad-Direttiva, l-iktar wieħed li jolqotkom direttament huwa dak dwar it-Tielet Skeda. Fost il-bidliet f’din l-Iskeda nsibu hekk:

M’hemmx aktar bżonn li jkun hemm 20 minuta kontenut qabel waqfa għar-reklami. Madankollu, dan ma jgħoddx għal ċerti tipi ta’ programmi li jinkludu:

(a) bullettini tal-aħbarijiet. Dawn jistgħu jiġu interrotti DARBA biss dment li l-bullettin ikun fih 30 minuta ta’ kontenut;
(b) Film ċinematografiku jista’ jitwaqqaf biss għal waqfa ta’ reklami wara kull TLETIN minuta;
(c) Programm tat-tfal jista’ jitwaqqaf biss għal waqfa ta’ reklami wara kull tletin minuta;
(d) Servizzi reliġjużi (quddies jew funzjonijiet fil-knsija) ma jistgħux jiġu interrotti b’reklamar.

Il-liġi l-ġdida tagħti l-istazzjonijiet il-fakultà li jkollhom aktar minn tliet sigħat ta’ telebejgħ f’ġurnata, għalkemm tibqa’ l-ħtieġa li kull tieqa ta’ telebejgħ tkun ta’ mhux anqas minn 15-il minuta. Madankollu, l-Awtorità beħsiebha żżomm il-limitu ta’ tliet sigħat telebejgħ għal dawk l-istazzjonijiet li se jkunu ntagħżlu bħal stazzjonijiet GIO meta Malta tagħmel il-qalba diġitali. F’dan il-kuntest, il-limitu ta’ tliet sigħat telebejgħ ikun jgħodd bejn is-7.00am u l-11.00pm. Bejn il-11.00pm u s-7.00am mhux se jkun hemm limitu għall-ammont ta’ telebejgħ li jista’ anki jinkludi repetizzjonijiet ta’ rkejjen ta’ telebejgħ li jkunu xxandru aktar kmieni fil-ġurnata.

Sponsorship

L-Artiklu 16L (4) jipprojbixxi l-isponsorjar ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. L-Awtorità beħsiebha tibda tenforza dan il-provvediment u allura se tibda titlob lill-kull stazzjon biex fil-bidu ta’ kull skeda jikklassifika l-ġeneri ta’ programmi tiegħu. Dawk il-programmi li min-natura tagħhom huma ta’ ġrajjiet kurrenti ma jistgħux ikunu sponsorizzati. Anki f’każijiet iżolati fejn dawn il-programmi ma jitrattawx ġrajjiet kurrenti, ma jkunx jista’ jsir sponsorship tagħhom. L-Awtorità hija konxja li jista’ jkun hemm programmi li min-natura tagħhom mhumiex ta’ ġrajjiet kurrenti iżda jista’ jkun hemm edizzjonijiet minnhom li jitrattaw dan is-suġġett. F’dawn il-każijiet, l-istazzjon jista’ jippermetti sponsorship f’DAWK il-programmi tas-sensiela li ma jittrattawx ġrajjiet kurrenti.

Tqiegħid ta’ Prodott (Product Placement)

Kunċett ġdid fl-Att Dwar ix-Xandir huwa t-tqiegħid tal-prodott (product placement). Għalkemm Artiklu 16M jipprojbixxi t-tqiegħid tal-prodott, dan jista’ jitħalla jsir f’ċerti ċirkustanzi li huma li ġejjien:

(a) f’xogħlijiet ċinematografiċi, f’films u f’sensiliet magħmulin għal servizzi tal-mezzi awdjoviżivi, fi programmi sportivi u fi programmi ta’ divertiment leġġer; jew
(b) fejn ma jkun hemm l-ebda ħlas iżda biss il-forniment ta’ ċerti prodotti jew servizzi mingħajr ħlas, bħall-armar ta’ produzzjoni u l-premijiet, bil-ħsieb tal-inklużjoni tagħhom fi programm.

Tajjeb wieħed jiċċara li t-tqieghid tal-prodott ma jistax isir fi programmi tat-tfal jew programmi li fihom jipparteċipaw it-tfal b’mod regolari, anki jekk dawn it-tip ta’ programmi jaqgħu taħt il-kategoriji spjegati f’(a). Bħala eżempju, jekk stazzjon jipproduċi sensiela ta’ drama li hija mmirata lejn it-tfal, din ma jistax ikollha fiha tqiegħid tal-prodott. F’każ ta’ kundizzjoni (b) tat-tqiegħid ta’ prodott, dan ma jistax isir fi programmi ta’ tfal.

L-Awtorità tħoss li hemm il-ħtieġa li toffri spjegazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi programm ta’ divertiment leġġer. B’dan il-ġeneru ta’ programm, l-Awtorità tinkludi programmi ta’ varjetà li jkun fihom żfin, kant, daqq u parteċipazzjoni ta’ udjenza fl-istudio, u programmi ta’ logħob ieħor li fihom jieħdu sehem parteċipanti.

Biex stazzjon jagħmel użu tat-tqiegħid tal-prodott irid jissodisfa numru ta’ kriterji, ewlenija fosthom hemm il-ħtieġa li jintuża logo bl-ittra P biex jinforma lit-telespettaturi li hemm it-tqiegħid tal-prodott. Dan irid isir fil-bidu tal-programm, wara kull waqfa għar-reklami, kif ukoll lejn tmiem il-programm. F’dan ir-rigward, l-ittra P trid tidher għal mhux anqas minn 10 sekondi kull darba li tintuża. L-Awtorità tesiġi li l-istazzjonijiet jimxu ma’ dawn il-ħtiġijiet. Fi ftit ġimgħat oħra se joħroġ avviż legali li jirregola, b’mod dettaljat, l-użu tal-logo P għat-tqiegħid tal-prodott.

Huwa importanti li meta stazzjonijiet jagħmlu użu mit-tqiegħid tal-prodott, jiġu mħarsa dawn ir-regolamenti bażiċi:

i) m’għandu jsir l-ebda ffukkar żejjed fuq il-prodott;
ii) ma ssir l-ebda referenza speċifika għal prodott jew servizz;
iii) it-tqiegħid tal-prodott ma jinfluwenzax id-decizjonijiet editorjali tal-istazzjon;
iv) it-telespettaturi jkunu mgħarrfa bl-eżistenza tat-tqiegħid tal-prodott.

Dawn il-prodotti jew servizzi ma jistgħux jintużaw bħala tqiegħid tal-prodott:

  • Prodotti tat-tabakk jew sigaretti jew tqiegħid ta’ prodott minn impriżi li l-attività prinċipali tagħhom tkun il-manifattura jew il-bejgħ ta’ sigarretti u ta’ prodotti tat-tabakk oħra;
  • Prodotti mediċinali speċifiċi jew trattamenti mediċi disponibbli biss b’riċetta.
  • Prodotti alkoħoliċi (qabel id-9pm)
  • Logħob tal-azzard jew ħwienet li joffru dan it-tip ta servizz (qabel is-7pm)
  • Simboli ta’ partiti politiċi

L-Awtorità beħsiebha żżid, permezz ta’ avviż legali, prodotti u servizzi oħra li ma jistgħux jintużaw bħala tqiegħid ta’ prodott.

Konklużjoni

Fil-qosor, dawn huma l-aktar punti importanti li joħorġu minn dan il-qafas leġislattiv ġdid li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010. M’għandi l-ebda dubju li se jkollkom ħafna mistoqsijiet dwar uħud mill-punti li elenkajt hawn fuq. Tul ix-xahar t’Awwissu se jsiru xi laqgħat mal-industrija sabiex inkunu f’pożizzjoni biex niċċaraw aktar l-impatt u l-ħtiġijiet marbutin ma’ din id-Direttiva li torbot lill-istati kollha membri tal-Unjoni Ewropea.


Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
19 ta’ Lulju 2010
Ref 51/61, 17/62