Ċirkulari 9/12
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni
Nagħmel referenza għall-ispot informattiv li qed jixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni bħala parti mill-kampanja ‘Nista’ Sharing Work Life Responsibilities’ li fih tidher mara dieħla b’binha (Mark) f’Childcare Centre u tgħid “Jien Sue. Ma kontx ċerta jaqbillix finanzjarjament li nibgħat lil Mark Childcare Centre. Imma issa ċerta. Għaliex? Għax skoprejt li għandi ħafna opportunitajiet. Billi nibgħat lil Mark f’Childcare Centre reġistrat qed innaqqas b’€1,300 fis-sena mid-dħul taxxabbli tiegħi fl-income tax.”
Il-Kummissarju tat-Tfal ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar il-kontenut ta’ dan l-ispot u wara li l-Awtorità evalwat dan l-ispot partikolari kkonkludiet li l-mod ta’ kif qed jitwassal il-messaġġ jista’ jagħti l-impressjoni żbaljata li t-tfal għandhom jintbagħtu f’Childcare Centres sabiex l-omm tieħu tax rebate. Filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir, bħall-Kummissarju tat-Tfal, temmen bi sħiħ li jkun hawn opportunitajiet varji sabiex jinħoloq bilanċ bejn xogħol u obbligi familjari u li tingħata pubbliċità lil inizjattiva ta’ din ix-xorta, tħoss ukoll li huwa d-dmir tagħha li tħares id-drittijiet tat-tfal u l-mod ta’ kif dawn jintwerew fi programmi varji, inkluż reklami u spots ta’ informazzjoni.
Għalhekk, ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, l-Awtorità tesiġi li b’effett immedjat, dan l-ispot partikolari jitwaqqaf milli jkompli jixxandar. L-Awtorità hija kunfidenti li dan il-messaġġ jista’ jitwassal xorta waħda b’kontenut differenti.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
7 ta’ Marzu 2012
Ref 15/12