09/17 - 25Sep2017




Ċirkulari 9/17

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tat-televiżjoni

Kontenut ta’ Programmi – Ħtieġa ta’ Ħarsien tal-Leġislazzjoni

Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
Issa li fi ftit jiem oħra se jibdew l-iskedi tal-Ħarifa, l-Awtorità ħasset li tiġbed l-attenzjoni lill-istazzjonijiet għal programmi li fihom ikun meħtieġ li jiġu mħarsa kundizzjonijiet ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Fost dawn il-programm, hemm programmi dwar kostruzzjoni jew tisbiħ ta’ djar. Jixxandru wkoll programmi li jitrattaw il-preparazzjonijiet għall-festi jew l-armar tal-festi jew avvenimenti oħra li jistgħu jiġu mxandra jew irrapurtati matul is-sena. Infakkarkom f’dak li ġie diskuss f’seminar li sar f’Mejju 2016 bejn l-Awtorità tax-Xandir u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fejn inġibdet l-attenzjoni lill-istazzjonijiet biex min ikun qed jidher fi programmi televiżivi jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni jew xogħol ta’ armar jieħu l-miżuri neċessarji ta’ saħħa u sigurtà. F’każ fejn jidhru minuri jgħinu fi preparamenti ta’ attivitajiet partikolarment tal-festi, l-istazzjonijiet għandhom jaraw li l-minuri ma jkunux qed jidhru jwettqu xogħol perikoluż għalihom u jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha jekk ikunu se jintwerew jagħmlu xi xogħol.

Infakkarkom li l-istazzjonijiet għandhom l-obbligu u r-responsabbiltà li dak li jxandru jkun konformi ma’ dak li titlob l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, kemm għall-ħaddiema infushom li jkunu qed jidhru, kif ukoll għat-telespetatturi li jkunu qed isegwu l-produzzjoni li tkun qed tixxandar.

Nies Bla Ħarsien Xieraq, Persuni b’Diżabilità u Minuri
Mill-iskedi jidher li għal darb’oħra din is-sena l-istazzjonijiet għażlu li jtellgħu programmi fejn se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ persuni bla ħarsien xieraq, persuni b’diżabilità u parteċipazzjoni ta’ minuri. Filwaqt li l-Awtorità tagħraf il-ħtieġa li l-istazzjonijiet ikunu inklussivi u pluralisti fil-programmi tagħhom u għaldaqstant ma tara xejn ħażin li jkun hemm firxa ta’ nies mis-soċjetà fil-programmi, permezz ta’ din iċ-ċirkulari qed tfakkar lill-istazzjonijiet bil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir; 350.05 – Kodiċi tax-Xandir dwar il-Protezzjoni tal-Minuri; u 350.17 – Htiġiet dwar Standards u Prattika dwar id-Diżabilità u l-Preżentazzjoni tagħha fix-Xandir. Dawn il-leġislazzjonijiet ilkoll jaraw il-ħarsien xieraq ta’ dawn il-gruppi tas-soċjetà. Partikolarment tfakkar li f’każ fejn hemm minuri se jkunu qed jieħdu sehem fil-programm fejn tiġi esposta l-vulnerabbiltà tagħhom, l-istazzjonijiet għandhom jaraw li l-liġi tiġi segwita f’dak li għandu x’jaqsam il-mili ta’ media reports li jimtela minn professjonisti fil-qasam soċjali u li jridu jgħaddu għand il-produtturi u għand l-Awtorità tax-Xandir. Il-Leġislazzjoni tħares ukoll is-sehem ta’ minuri f’reklamar jew fi programmi immirati għat-tfal u għaldaqstant l-istazzjonijiet iridu jaraw li dawn jiġu segwiti għall-ġid tal-minuri u anki għall-ġid tal-kwalità tax-xandir.

Fl-aħħarnett, l-Awtorità tfakkar biex għal darb’oħra din iċ-ċirkulari titqies bħala notifika lill-istazzjonijiet u li ser tkun qed isservi biex il-ħarsien tagħha jkun pass ieħor lejn il-kwalità fix-xandir li kemm l-Awtorità tax-Xandir kif ukoll l-istazzjonijiet stess jixtiequ u jridu jaħdmu għaliha. Dan kollu jinkwadra f’xenarju fejn l-istazzjonijiet huma fid-dmir, mhux biss li jirregolarizzaw il-kontenut skont kif titlob il-liġi, imma li jħossu sensibbilità biex jippreżentaw kontenut aħjar lil hinn milli titlob il-liġi.

Dr Joanna Spiteri
25 ta’ Settembru 2017
Kap Eżekuttiv
Ref 36/00, 133/02, 51/04