Ċirkulari 9/19
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tax-xandir
Jumejn tas-Silenzju
Permezz ta’ din iċ-ċirkulari l-Awtorità tax-Xandir qed tirrileva l-provvedimenti tad-Direttiva li l-Awtorità diġà ħarġet fil-bidu ta’ din il-kampanja elettorali, biex tenfasizza l-ħtiġijiet li l-istazzjonijiet iridu jħarsu fil-jumejn ta’ silenzju, jiġifieri fl-24 u fil-25 ta’ Mejju. Mehmuża ma’ din iċ-ċirkulari għandkom issibu l-provvedimenti speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-jumejn ta’ silenzju. Għaldaqstant intom għandkom l-obbligu li taraw li l-ġurnalisti, preżentaturi u produtturi tal-istazzjon tagħkom ikunu mgħarrfa b’dawn il-provvedimenti bl-għan li ma jkunx hemm ksur tal-liġi.
Kif titlob il-liġi u kif dejjem kienet il-prassi, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju u s-Sibt 25 ta’ Mejju ma jista’ jsir l-ebda xandir li jmur kontra l-provvedimenti tad-direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir. Il-ġranet ta’ silenzju jibdew min-nofsillejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa u għaldaqstant kull stazzjon għandu jiżgura li ma jiġux ripetuti programmi li jistgħu jitqiesu li qed jiksru l-provvedimenti relatati mal-jumejn tas-silenzju u li huma indikati fid-Direttiva. L-istazzjonijiet għandhom jaraw ukoll li kull xandira b’kontenut politiku għandha titwaqqaf f’nofsillejl tal-Ħamis u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi mad-Direttivi.
Kull xandir u rappurtaġġ f’dawn il-jumejn għandu jsir b’kawtela, u tagħrif, dikjarazzjonijiet, jew stqarrijiet b’kontenut politiku jew ta’ natura politika ma jistgħux jixxandru. Lanqas mhu permess li stazzjon ixandar storja jew rapport li jkunu dehru fuq sit elettroniku jew fuq midja stampata li fin-natura tagħhom jitqiesu li jiksru il-provvedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju. Kull stazzjon li jxandar analiżi tal-ġurnali għandu wkoll ikun kawt ħafna b’tali mod li ma jissemma l-ebda kontenut politiku jew kwalunkwe kontenut ieħor, anke jekk dak internazzjonali, li jista’ jħalli influwenza fuq il-votant. L-istejjer mill-gazzetti analizzati fi programmi bħal dawn għandhom jkunu biss stejjer li assolutament mhumiex relatati mal-kampanja elettorali.
Bl-istess mod ma jistax jixxandar reklamar b’xejra politika, inklużi PSA’s, sakemm dawn ma jkunux ta’ natura urġenti jew li għandhom informazzjoni dwar obbligi statutorji. Barra minn hekk fil-jumejn ta’ silenzju m’għandux jixxandar l-ebda crawl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li b’xi mod jista’ jiġi interpretat li qed jikser il-provvedimenti tal-ġranet tas-silenzju. Lanqas m’għandhom jidhru listi permezz ta’ caption jew b’mod ieħor bil-kandidati li se jkunu qed jikkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali.
L-Awtorità tfakkar li fil-jum tal-votazzjoni huwa permess jiġu mxandra biss il-Mexxejja u d-Deputati Mexxejja/Viċi Kapijiet, Chairperson jew Deputat Chairperson fil-post tal-votazzjoni tagħhom meta dawn imorru biex jivvutaw u mhux permess li stazzjon ixandar xi kummenti (b’mod dirett jew indirett) tal-mexxejja jew uffiċjali oħra tal-partiti politiċi qabel jew wara li dawn jivvutaw. Lanqas mhu permess li stazzjon ixandar żjarat li l-mexxejja jew uffiċjali għolja tal-partiti politiċi jew MEPs jistgħu jagħmlu f’każini, pjazez, toroq jew kwartieri/uffiċini. Dawn iż-żjarat jistgħu jixxandru biss wara l-għeluq tal-postijiet tal-votazzjoni.
F’każ li stazzjon tat-televiżjoni jagħżel li jxandar logo speċifikament għall-ġurnata tal-Elezzjoni Ġenerali għandu jiġi aċċertat li tali logo ma jkunx assoċjat mal-logos jew emblemi użati mill-partiti politiċi waqt il-kampanja elettorali, jew li jintużaw l-islogans li qed jintużaw mill-partiti għal din il-kampanja. Barra minn hekk, l-istazzjonijiet ma jistgħux ixandru d-diski jew innijiet uffiċjali li saru apposta għall-kampanja elettorali.
F’każ li stazzjon ixandar avviż/informazzjoni dwar kif persuna għandha tivvota, dan l-avviż irid jinżamm oġġettiv kemm mil-lat ta’ kitba kif ukoll mil-lat ta’ viżwal. M’għandhom jintużaw l-ebda ismijiet ta’ kandidati, partiti, logos tal-partit jew kulur bil-għan li l-avviż jinżamm newtrali u ma jkunx qed jikser id-Direttiva maħruġa mill-Awtorità. F’każ li fil-jum tal-votazzjoni tixxandar xi statistika ta’ kemm persuni marru jivvutaw, din l-informazzjoni għandha tkun biss dik maħruġa uffiċjalment mill-Kummissjoni Elettorali.
Infakkarkom li ksur tad-Direttiva tal-Awtorità jista’ jwassal għal passi kontra l-istazzjon u għal ksur tal-Liġi Elettorali u għal proċeduri kriminali mill-Pulizija.
Fl-aħħarnett nenfasizza li skont Artiklu 2(c)(i) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir, kull stazzjon għandu jżomm rekording ta’ kull programm għal perjodu ta’ 90 ġurnata biex f’każ li d-Dipartiment tal-Monitoring tal-Awtorità jitlob l-istazzjon għal kopja ta’ programm jew trasmissjoni, din tkun immedjatament disponibbli għall-moniteraġġ.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
22 ta’ Mejju 2019
Ref 103/03; 3/19
Agħfas hawn għar-Regolamenti li l-istazzjonijiet iridu jsegwu matul il-ġurnata qabel l-elezzjonijiet u dakinhar tal-votazzjoni.