09/24 - 11 ta' Ottubru 2024




Ċirkulari 09/24

 

Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità f’Għawdex

 

F’dawn l-aħħar jiem l-Awtorità ħasbet li titlaqa’ mad-diriġenti tal-istazzjonijiet tal-komunità f’Għawdex sabiex apparti li tagħti informazzjoni dwar provvedimenti fil-liġi, regoli u proċeduri rigward liċenzjar, tiddiskuti wkoll il-qagħda u l-isfidi li dawn l-istazjonijiet jiffaċċjaw waqt l-operat tagħhom. Għaldaqstant l-Awtorità ħasset li telenka numru ta’ punti li tqajmu waqt il-laqgħa u li dwarhom tfasslet it-triq ‘il quddiem.

 

Il-pożizzjoni tal-Awtorità rigward trasmissjonijiet minn barra baqgħet kif diġà kienet indikat f’ċirkolari ta’ snin preċedenti. L-Awtorità ma taċċettax li jkun hemm ri trażmissjoni ta’ xandiriet/ radjijiet barranin, f’dan il-każ partikolari l-ebda tibdil fl-interpretazzjoni li kienet diġà ħarġet l-Awtorità f’ċirkulari preċedenti. L-istazzjonijiet tal-komunità għandhom l-għan li jaqdu kontenut komunitarju u mhux nazzjonali. Iżda jista’ jkun hemm kontenut li jkun diġà xxandar fuq radjijiet nazzjonali kemm-il darba ma jkunx simulcast jew kontenut li jkun qed jixxandar matul dik l-iskeda.  Dan il-kontenut madanakollu jrid dejjem jirrifletti l-ispirtu tal-liċenzja, jiġifieri jrid ikun xandir reliġjuż. Dawn il-każijiet xorta waħda għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni u l-Awtorità se tkun qed issegwi kontinwament biex tara li dan it-tip ta’ xandir (meħud minn xi radjijiet) ma jeċċedix l-kontenut speċifiku/oriġinali tar-radju tal-komunità. Meta jkun hemm dan it-tip ta’ xandir ma tistax tixxandar sigla ta’ stazzjon ieħor minn fejn ikun inġieb il-kontenut oriġinali.

 

L-Awtorità fehmet li l-istazzjonijiet tal-komunità f’Għawdex huma esklussivament stazzjonijiet reliġjużi u l-kontenut editorjali ġej mid-djoċesi ta’ Għawdex. Għaldaqstant kontenut li ġej mid-djoċesi ta’ Għawdex se jkun qed jitħalla jixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha tal-komunità. Iżda kull stazzjon irid jibqa’ jiġi identifikat bħala tali u t-trażmissjoni m’għandhiex tnissel dubju fis-semmiegħa dwar liema servizz qed jiġi segwit. Għaldaqstant il-jingle tal-istazzjon għandha tibqa’ tidentifika l-istazzjon hekk kif spjegat f’ċirkulari 1/19.

Rigward xandir ta’ quddies, l-Awtorità ma ssibx oġġezzjoni li jkun hemm xandir ta’ iktar minn quddiesa waħda live. Ovvjament l-Awtorità tifhem li jista’ jkun hemm linja editorjali b’mod ħolistiku mill-istazzjonijiet tal-komunità kollha ta’ Għawdex, iżda tifhem li l-linja editorjali ta’ dawn l-istazzjonijiet hija reliġjuża u għaldaqstant jista’ jkun hemm aktar minn quddiesa waħda matul ix-xandir ta’ trażmissjoni.

 

L-istazzjonijiet tar-radju tal-komunitá ma jistgħux ixandru kontenut ta’ aħbarijiet nazzjonali jew ġrajjiet kurrenti u fid-dawl ta’ dan lanqas ma jista’ jkun hemm referenza jew rappurtaġġ ta’ x’qed jixxandar fil-portals prinċipali minħabba li dan effettivament ikun qed jikkostitwixxi xandir ta’ ġrajjiet kurrenti. L-Awtorità se tkun qed tħalli biss li jkun hemm tħabbir ta’ riżultati sportivi ta’ sports nazzjonali u internazzjonali bħal xi kampjonati tal-football.

 

Rigward xandir ta’ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, dawn jistgħu jsiru kemm-il darba jkunu marbuta ma’ benefiċċjarji fil-komunità.  L-Awtorità tfakkar ukoll li f’dan it-tip ta’ xandir, l-istazzjonijiet iridu jsegwu Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 u jaraw ukoll li jxandru n-numru tal-permess tal-kollettur.

 

F’każijiet ta’ applikazzjonijiet, l-Awtorità tfakkar li l-ittri ta’ appoġġ (letters of support) ma jridux ikunu ġejjin minn organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt id-direzzjoni tal-kappillan/arċipriet kemm-il darba dan ikollu responsabbiltà ġuridika mil-liċenzja.  L-ittri ta’ appoġġ iridu jkunu ġejjin minn għaqdiet differenti u ma jistgħux ikunu biss f’forma ta’ approvazzjoni.

 

 

 

 

Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv

11 t’Ottubru, 2024

Ref. 3/91