Ċirkulari 10/17
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tax-xandir
Sitwazzjonijiet eċċezzjonali jitolbu imġieba eċċezzjonali. Ix-xandir kollu f’dawn iċ-ċirkostanzi taqa’ fuqu responsabbiltà akbar minn dik li diġà għandu fil-kors normali tal-ħidma tiegħu.
L-Awtorità tax-Xandir, fir-rispett assolut tal-libertà editorjali fl-aħbarijiet, programmi ta’ ġrajjiet kurrenti u programmar ieħor, u fil-ħarsien indiskutibbli tal-libertà tal-espressjoni, għandha dmir etiku u morali, li jmur lil hinn minn kull artiklu tal-liġijiet li jirregolaw ix-xandir. Bl-istess mod id-diriġenti tal-istazzjonijiet għandhom jifhmu li l-piż ta’ dak kollu li se jkun qed jingħad għandu rilevanza serja u straordinarja fir-rigward tat-telespettaturi u tas-semmiegħa u tas-soċjetà in ġenerali.
Dawn huma mumenti ta’ riflessjoni oġġettiva u ta’ professjonalità aktar għoljin mis-soltu u dak kollu li jixxandar se jkun qed jirrifletti l-mudell ta’ kwalità u ta’ kredibiltà li kull stazzjon jixtieq ikun magħruf għalih. L-Awtorità għandha l-obbligu Kostituzzjonali u soċjali li tiggwida u tħeġġeġ lill-operaturi kollha, kif qed tagħmel regolarment, biex il-mezzi tax-xandir jintużaw b’mod mill-aktar responsabbli, matur, u fir-rispett tar-regoli, mill-professjonisti, mill-kollaboraturi u mill-mistednin.
L-Awtorità qed taghmel ukoll rakkomandazzjoni u stedina partikolari biex ikun hemm attenzjoni speċifika fuq l-użu ta’ kummenti li jsiru fil-midja soċjali. Filwaqt li din l-isfera pubblika ferm aktar wiesgħa minn dik tradizzjonali mhix regolata, dan ma jfissirx li kull ma jingħad hemm jista’ jiġi leġittimat fuq il-mezzi tax-xandir li għandhom obbligi regolatorji preċiżi.
Fl-aħħarnett, l-Awtorità tax-Xandir tistieden lid-dirigenti kollha tal-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni biex il-ħsibijiet f’din il-komunikazzjoni jiġu maqsuma ma’ kull min b’xi mod huwa involut fix-xandir, fil-preżentazzjoni, bħala mistieden, fil-muntaġġ u fil-produzzjoni ta’ programmi.
Ix-xandir jikkonferma r-rwol tiegħu bħala parti minn wieħed mill-pilastri tad-demokrazija kemm-il darba jopera bi professjonalità u kredibiltà’.
L-Awtorità tieħu l-okkażjoni biex tirringrazzjakom tal-kollaborazzjoni kontinwa tagħkom.
Dr Joanna Spiteri
17 t'Ottubru 2017
Kap Eżekuttiv
Ref 89/01