103 - Andrew Azzopardi on 103 - 26 ta' Marzu 2022




Deċiżjoni rigward il-programm Andrew Azzopardi on 103

li xxandar fuq 103 fis-26 ta’ Marzu 2022

 

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront tal-istazzjon 103 dwar il-programm Andrew Azzopardi on 103 li xxandar fis-26 ta’ Marzu 2022 fil-jum tal-Elezzjoni Ġenerali, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 6 (iii) u (v) tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità, liema Direttiva tkopri l‑programmi u reklami mxandra fuq radju u televiżjoni matul il-perjodu 28 ta’ Frar u 26 ta’ Marzu 2022.

 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità u lis-Sur Kevin Papagiorcopulo, l-Editur tal‑istazzjon 103 u lil Dr Stefano Filletti li deher bħala l-konsulent legali għall-istazzjon 103. Is‑Seduta nżammet fis-7 ta’ Lulju 2022 wara li l-istazzjon talab għal xi diferiment fid-dati minħabba li r-rappreżentanti tal-istazzjon kienu indisposti għas-seduta tas-smigħ fid-dati li ngħataw qabel mill-Awtorità.

 

Fil-bidu tas-smigħ il-Kap Eżekuttiv ressqet il-każ u qalet li matul dan il-programm ixxandar kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech hekk kif ħareġ mill-post tal-votazzjoni u dan bi ksur ta’ Paragrafu 6 (iii) tad-Direttiva. Fl-istess programm saru għadd ta’ kummenti politiċi waqt xi kollegamenti li saru mill-postijiet tal-votazzjoni, liema kummenti taw lok għal ksur ta’ Paragrafu 6 (v) tal-istess Direttiva.

 

Għall-103, Dr Stefano Filletti u s-Sur Kevin Papagioropulo ammettew li żbaljaw meta xandru l-kummenti ta’ Dr Bernard Grech iżda dan seħħ bi żvista anke minħabba d-diffikultajiet loġistiċi u amministrattivi tal-istazzjon. Qalu li filwaqt li dan seta’ jixxandar online, mhux l‑istess seta’ jsir fuq ix-xandir tradizzjonali u f’dan il-każ fuq ir-radju. Rigward l-akkuża li rreferiet għall-kummenti waqt ir-rappurtaġġ mill-postijiet ta’ votazzjoni, Dr Stefano Filletti qal li dawn il-kummenti ma marrux kontra Paragrafu 5 (iv) tad-Direttiva, ossija ma kinux kummenti ta’ propoganda, jew avviżi oħra dwar kif persuna tista’ tivvota. Qal li l-kummenti ma kellhom l-ebda element ta’ aġitazzjoni u bl-ebda mod ma affettwaw l-imparzjalità tax‑xandir.

 

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inpartikolari l-ammissjoni inparti tal‑istazzjon iżda wkoll rat li l-istazzjon huwa ħati fuq iż-żewġ każijiet u għalhekk kellha timponi penali ta’ €4660. Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità qablet li l-multa tkun sospiża għal tliet snin mid-data tan-notifika, b’mod li jekk l-istazzjon jerġa’ jonqos jeħel ukoll din il-multa.

 

 

4 ta’ Awwissu 2022