Din iċ-Ċirkulari tindirizza numru ta’ suġġetti kif jidher hawn taħt:
Interpretazzjoni tal-paragrafi 4 u 9 tat-Tielet Skeda
tal-Att dwar ix-Xandir
dwar Nuqqas ta’ Separazzjoni u Reklamar b’Ħabi
Permezz ta’ Ċirkulari 41/08, li kienet ħarġet fil-25 ta’ Settembru 2008, l-Awtorità tax-Xandir kienet ipprovdiet, sabiex l-istazzjonijiet tax-xandir ikunu jistgħu jiggwidaw ruħhom, interpretazzjoni komprensiva ta’ kif l-Awtorità kien bi ħsiebha tenforza Artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir dwar nuqqas ta’ separazzjoni u reklamar b’ħabi. Il-partijiet il-ġodda ta’ din l-interpretazzjoni kellhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009 iżda, peress li l-Awtorità kienet irċeviet diversi rappreżentazzjonijiet minħabba obbligi kuntrattwali li kienu diġà fis-seħħ meta kienet ħarġet iċ-Ċirkulari in kwistjoni u li ma kienux konsistenti ma’ dawn il-partijiet tal-interpretazzjoni, l-Awtorità kienet qablet li dawn għandhom jiġu fis-seħħ b’effett mill-bidu tal-iskeda tas-sajf, u ċjoé mill-1 ta’ Lulju 2009. Din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkomunikata lill-istazzjonijiet fil-11 ta’ Frar 2009 permezz ta’ Ċirkulari 3/09.
Għalhekk, issa li qed joqrob il-bidu tal-iskedi tas-sajf irrid infakkar lill-istazzjonijiet kollha f’dawn il-ħtiġijiet u qed nehmeż bħala Appendiċi A ma’ din iċ-Ċirkulari verżjoni konsolidata ta’ din l-interpretazzjoni. L-Awtorità għamlet xi emendi fl-ewwel paragrafu ta’ din l-interpretazzjoni sabiex tiffaċilita il-ħidma tal-istazzjonijiet u tal-produtturi indipendenti. Huwa importanti li l-istazzjonijiet issa jgħaddu kopja ta’ din linterpretazzjoni lill-produtturi indipendenti.
Ripetizzjoni ta’ Programmi Televiżivi
Peress li fl-iskedi tas-sajf normalment tiżdied il-frekwenza ta’ xandir ta’ programmi li jkunu repeats, irrid ukoll niġbdilkom l-attenzjoni għall-ħtiġijiet imsemmija f’Ċirkulari 20/08 li kienet ħarġet fis-27 ta’ Mejju 2008 u li kopja tagħha tinsab annessa bħala Appendiċi B ma’ din iċ-Ċirkulari. L-Awtorità tesiġi li l-ħtiġijiet ta’ din iċ-Ċirkulari, li huma ntiżi sabiex jiġi protett it-telespettatur bħala konsumatur, għandhom jiġu rispettati.
B’danakollu u sabiex tiffaċilita x-xogħol tal-istazzjonijiet, l-Awtorità qablet li dawn ilħtiġijiet m’għandhomx japplikaw għal ripetizzjoni ta’ films, drama, teleseries, dokumentarji u programmi oħra ta’ natura edukattiva u kulturali, sakemm ir-ripetizzjoni ma tkunx ta’ programm li jkun ixxandar fl-istess skeda u sakemm il-programm ma jkunx ittratta avvenimenti ta’ natura kurrenti li meta tixxandar ir-repeat ikunu tilfu r-relevanza tagħhom.
Telebejgħ
Minn żmien għall-ieħor l-Awtorità ħasset il-bżonn li tipprovdi lill-istazzjonijiet tax-xandir b’linji gwida dwar kif għandhom jiġu osservati r-regolamenti eżistenti dwar programmi ta’ telebejgħ (Ċirkularijiet 33/07, 47/06). F’dan il-kuntest, l-Awtorità dejjem enfasizzat li mhux kull tip ta’ prodott jew servizz jista’ jkun suġġett ta’ direct offer u jkun ukoll marbut ma’ rispons dirett kif titlob il-liġi. Għalhekk, l-Awtorità issa qed tagħmilha ċara li prodotti jew servizzi li jirrikjedu l-preżenza tal-konsumatur f’lokazzjoni oħra biex ikun jista’ jiġi konkluż il-bejgħ ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala offerta diretta jew bejgħ dirett. Eżempji ta’ prodotti jew servizzi li ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu offerta diretta huma poloz ta’ sigurtà, bejgħ u tiswija ta’ karozzi, testijiet tal-VRT, btala fi tmiem ilġimgħa u ikliet ġo restoranti.
Minħabba xi obbligi kuntrattwali li jista’ jkollhom l-istazzjonijiet jew il-produtturi indipendenti, l-Awtorità bi ħsiebha ġġib fis-seħħ din l-interpretazzjoni b’effett mill-1 t’Ottubru 2009.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
10 ta’ Ġunju 2009
Ref 17/62, 88/07