12/10 - 23 Sep 2010




Ċirkulari 12/10

Wara l-laqgħat li kellna dan l-aħħar mal-istazzjonijiet tat-televiżjoni kif ukoll ma’ rappreżentanti tad-djar tal-produzzjoni, l-Awtorità ħasset li kellha tagħmel xi kjarifiki dwar l-implimentazzjoni tal-Audio Visual Media Services Directive.

Fil-fatt, l-għan ta’ din iċ-ċirkulari huwa li jkompli joffri spjegazzjoni dwar xi punti li tqajmu waqt dawn il-laqgħat.

Dokumentarji, Programmi tat-Tfal u Programmi Reliġjużi

Dwar sponsorships ta’ dokumentarji, programmi tat-tfal u programmi reliġjużi, l-Awtorità tixtieq tiċċara li logos tal-isponsorships jistgħu jidhru u jissemmew qabel ma jibda l-programm jew eżatt wara li jintemm. Huwa biss waqt il-programm li ma jistgħux jissemmew (jew jidhru) logos tal-isponsorship.

Programmi ta’ Aħbarijiet u Ġrajjiet Kurrenti

Sew id-direttiva u l-Att Dwar ix-Xandir huma ċari billi jipprojbixxu l-isponsorship fl-aħbarijiet u programmi ta’ ġrajjiet kurrenti. F’dawn it-tip ta’ programmi ma jistgħux jissemmew jew jidhru logos tal-isponsorship.

L-Awtorità, madankollu, tifhem li jkun hemm każijiet fejn l-istazzjon ikun irid jagħti ħajr lil xi kumpaniji għal servizzi jew prodotti li jkunu ntużaw waqt il-programm. F’dawn il-kazijiet u rrispettivament mit-tul tal-programm, l-istazzjon jista’ jagħti ħajr u juri l-logo tal-kumpanija/kumpaniji DARBA biss lejn l-aħħar tal-programm.

It-Tqiegħid tal-Prodott

L-aktar kunċett ġdid fl-Att Dwar ix-Xandir huwa preċiżament it-tqieghid tal-prodott (product placement). Kif ġie spjegat fil-laqgħat li l-Awtorità għamlet mal-istazzjonijiet u djar tal-produzzjoni, it-tqiegħid tal-prodott jista’ jsir biss fi drama, films, programmi sportivi u dawk ta’ ‘light entertainment’.

Huwa importanti li kull stazzjon javża permezz ta’ caption card lit-telespettaturi bil-preżenza tat-tqiegħid tal-prodott. Dan għandu jsir qabel ma jibda l-programm. L-Awtorità tistenna li dan l-avviż jidher u jinqara qabel ma jibda l-programm biex b’hekk it-telespettaturi jsiru konxji ta’ dan il-kunċett ġdid fix-xandir.

Dwar dak li huwa msejjaħ prop placement, l-Awtorità tifhem li dan għandu jkun limitat għall-armar tas-sett u affarijiet li jintużaw waqt il-programm. Prodotti u servizzi oħra li m’għandhomx x’jaqsmu mal-programm ma jistgħux jitħallew jidhru għax inkella l-istazzjon ikun qed jikser id-dispożizzjonijiet tar-reklamar b’ħabi.

Dwar premjijet li jingħataw lill-mistiedna fil-programm jew inkella lit-telespettaturi, dawn għandhom jintwerew u jaqgħu taħt prop placement dment li ma jsirx ‘focusing’ żejjed fuq il-prodott. Niġbdilkom l-attenzjoni li l-provvedimenti tal-liġi dwar l-għoti ta’ premjijiet jibqgħu fis-seħħ. Dawn huma riflessi fil-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar it-Tmexxija ta’ Kompetizzjonijiet u l-Għoti ta’ Premjijiet.

Filwaqt li nispera li din iċ-ċirkulari spjegat aħjar uħud mill-provvedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir li jirriflettu l-Audio Visual Media Services Directive, nitlobkom li f’każ li jkollkom bżonn ta’ xi kjarifikazzjoni, tikkuntattjaw lil Joanna Spiteri li tmexxi d-Dipartiment tal-Moniteraġġ tal-Awtorità tax-Xandir.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
23 ta’ Settembru 2010
Ref 51/61, 17/62