Ċirkulari 12/12
Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tal-komunità
Minn żmien għal żmien tinħass il-ħtieġa sabiex l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-komunità, sew dawk li joperaw fuq bażi permanenti, kif ukoll dawk li joperaw fuq bażi temporanja, jinġibulhom għall-attenzjoni tagħhom punti importanti li joħorġu mil-liġi. Illum se nillimta dan il-komunikat għal tliet punti prinċipali:
(i) il-ħtieġa tal-log tapes;
(ii) il-qawwa tat-trasmissjoni;
(iii) ir-reklamar.
Il-Log Tapes
L-ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir titkellem bl-aktar mod ċar dwar l-obbligu ta’ kull stazzjon li jżomm recording tax-xandir KOLLU li jiġi transmess fuq dak ir-radju partikolari għal perjodu ta’ 90 ġurnata. Meta u jekk l-Awtorità titlob kopja ta’ dawn ir-recordings, intom mitluba bil-liġi biex tibagħtu tali recordings ħalli jkun jista’ jsir l-eżerċizzju tal-monitoring meħtieġ.
F’każ li stazzjon jonqos li jgħaddi tali recordings lill-Awtorità meta mitlub, tkun qed tinkiser il-liġi u f’każ li toħroġ akkuża, l-istazzjon jista’ jeħel multa ta’ €1,160. Għalhekk, għal darba oħra, nappellalkom biex tassiguraw li l-apparat li għandkom biex jirrekordja tali kontenut ikun qed jopera sew il-ħin kollu.
Il-Qawwa tat-Trasmissjoni
Artiklu 3 (1) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir jinkludi s-segwenti:
“Liċenzja għal servizz bir-radju fil-komunità għandha tinkludi kondizzjonijiet li jimpedixxu lid-detentur tal-liċenzja milli:
“Jkollu aktar qawwa ta’ trasmissjoni milli huwa raġonevolment meħtieġ għall-fini ta’ trasmissjoni. L-Awtorità għandha, flimkien mal-Awtorità ta’ Malta Dwar il-Komunikazzjoni, tistabilixxi dak l-ammont raġonevoli ta’ qawwa tat-trasmissjoni u, sabiex tagħmel dan, għandha tieħu f’konsiderazzjoni l-varjazzjonijiet li jeżistu f’tali qawwa minn post għall-ieħor minħabba fit-topografija tal-lokalità involuta.”
L-Awtorità spiss qed tiltaqa’ ma’ każijiet fejn trasmissjonijiet tar-radjijiet tal-komunità qed jaslu b’mod ċar f’lokalitajiet ferm il-bogħod minn fejn ixandru u dan bi ksur tal-kondizzjonijiet tal-liċenzja.
Minn żmien għal żmien tekniċi tal-Awtorità ta’ Malta Dwar il-Komunikazzjoni qed jitqabdu mill-Awtorità tax-Xandir biex jagħmlu testijiet tekniċi biex jaraw jekk stazzjon hux qed jikser il-limiti tekniċi tal-qawwa tat-trasmissjoni. Dan jista’ jsir mhux biss billi tekniċi jmorru għand l-istazzjon partikolari, imma ukoll permezz ta’ apparat apposta li jkejjel il-qawwa tat-trasmissjoni minn postijiet differenti lil hinn mill-istudjo.
Kull stazzjon li jinqabad li qed jabbuża mill-qawwa tat-trasmissjoni stabbilita fil-liċenzja tinħareġ akkuża kontrih u f’kaz li jinstab ħati jista’ jeħel multa ta’ €1,160. Tifhmu li stazzjonijiet tal-komunità jingħataw liċenzja biex proprju jaqdu l-ħtiġijiet tal-lokal u l-viċinanzi u mhux biex it-trasmissjoni tagħhom tinqabad minn nofs Malta.
Ir-Reklamar
Waħda mill-kundizzjonijiet tal-liċenzja hija li kull stazzjon tal-komunità ma jistax ixandar reklamar ta’ servizzi u prodotti li ma joriġinawx mill-lokalità minn fejn stazzjon ikun qed ixandar. Bħala eżempju, stazzjon ikun jista’ jxandar reklam ta’ bank kummercjali jekk fil-lokal ikun hemm fergħa ta’ tali bank. L-istess ħaġa tgħodd għal dawk il-kumpaniji li jkollhom uffiċju jew fergħa fil-lokalità minn fejn jopera l-istazzjon. Mhux permess però li stazzjon jagħmel reklam ta’ ħanut, ażjenda, eċċ. li ma jkunx jopera fil-lokalità jew fil-viċinanzi.
L-Awtorità qed tiltaqa’ ma’ każijiet fejn stazzjon li jkun ixandar minn żona f’Malta ixandar reklam ta’ ħanut jew ażjenda li tkun qed topera fin-naħa l-oħra tal-gżira. Dan l-aġir huwa inaċċettabbli u min se jippersisti b’dan it-tip ta’ reklamar ikun qed jikser il-liġi bil-konsegwenzi kollha tagħha.
Nittama li b’din iċ-ċirkulari iċċarajt dawn it-tliet punti u li bħas-soltu nsib il-kooperazzjoni tagħkom sabiex ma jkolliex għalfejn nieħu passi ulterjuri skont il-liġi fil-konfront tagħkom.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
4 ta’ Ġunju 2012
Ref 3/91