12/19 - 19 Sep 2019




Ċirkulari 12/19
19 ta’ Settembru 2019


Lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir


Kors fil-Malti għall-Ġurnalisti, il-Qarrejja tal-Aħbarijiet u x-Xandara
Il-perjodu tal-applikazzjonijiet estiż sat-30 ta' Settembru, 2019


Infakkrukom li f’Ottubru li ġej, l-Awtorità tax-Xandir u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti se jniedu kors għall-ġurnalisti, il-qarrejja tal-aħbarijiet u x-xandara li jiktbu u jaqraw għall-pubbliku mal-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju u mad-djar privati tal-produzzjoni.

Il-kors se jiffoka fuq is-sengħa tal-kitba (mhux ortografija), it-traduzzjoni, il-pronunzja u d-dizzjoni, u r-riżorsi tal-Malti u se jitmexxa minn letturi tal-Malti fl-Università. Il-lezzjonijiet se jsiru nhar ta’ Erbgħa min-12:30pm sas-2:30pm, l-Università l-Qadima, il-Belt. Jibdew fis-16 ta' Ottubru u jintemmu fil-11 ta' Diċembru 2019. Kull min jattendi 80% jew aktar tas-sessjonijiet jingħata ċertifikat.

Inħeġġu lill-kapijiet tal-kmamar tal-aħbarijiet u tat-taqsimiet sportivi kif ukoll lill-kapijiet tad-djar privati tax-xandir biex tal-anqas jibagħtu ġurnalist/xandar wieħed/waħda li jikteb u jaqra għat-televiżjoni u r-radju, u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex il-ġurnalisti u x-xandara tagħhom ikunu jistgħu jattendu.

L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sat-Tnejn, 30 ta’ Settembru 2019. Il-formola (mehmuża ma’ din iċ-ċirkulari) għandha timtela u tintbagħat bil-posta lis-Sur Jean-Pierre Caligari, Programme Monitor, fl-Awtorità tax-Xandir.


Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv

Agħfas hawn biex tniżżel Applikazzjoni