13/09 - 10Jul2009




Lill-Istazzjonijiet kollha tar-Radju tal-Komunità

Bħala l-Kap Eżekuttiv ġdid tal-Awtorità tax-Xandir, nieħu din l-opportunità biex nestendi l-awgurju tiegħi għall-ħidma tagħkom fil-komunitajiet rispettivi.

Nixtieq niġbdilkom l-attenzjoni għall-fatt li kull operatur tar-radju tal-komunità, kemm dawk ta’ terminu qasir kif ukoll dawk hekk meqjusa permanenti, huwa/hija mitlub/a bil-liġi biex iżomm/iżżomm log tapes tax-xandiriet fuq l-istazzjon rispettiv tiegħu/tagħha skont l-artikoli tal-Ewwel Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità tax-Xandir minn żmien għal żmien tista’ titlob kopja ta’ dawn il-log tapes.  Dawk l-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità, li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux żammew kopja ta’ dawn il-log tapes, ikunu ħatja ta’ ksur tal-Att dwar ix-Xandir u tinħareġ akkuża kontra l-istazzjon.

Nieħu din l-opportunità wkoll biex ninfurmakom li l-Awtorità ħatret lil Joanna Spiteri bħala l-Kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Monitoring filwaqt li Dr Simon Manicolo ngħata lkariga ta’ Segretarju tal-Awtorità. F’każ li jkollkom bżonn ta’ xi kjarifiki dwar x’jista’ jixxandar jew le fuq ir-radju tagħkom, nitlobkom tagħmlu kuntatt ma’ Ms. Spiteri permezz tal-email fuq joanna.spiteri@ba.org.mt

Inselli għalikom u nawgura li fi żmien qasir ikollna l-opportunità niltaqgħu biex naqsmu flimkien xi ħsibijiet dwar l-operat u l-futur tar-radju tal-komunità f’Malta.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
10 ta’ Lulju 2009
Ref 3/91