1310 - 18 Oct 2010




Ċirkulari 13/10

Lill-Istazzjonijiet tax-Xandir Kollha

Aħbarijiet bi Sfond Promozzjonali

L-Awtorità tax-Xandir qed tinnota li, fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ diversi stazzjonijiet tax-xandir, iżda l-aktar dawk televiżivi, ta’ spiss qed jittellgħu aħbarijiet li, għall-inqas f’parti minnhom, ikunu ta’ natura promozzjonali. Peress li meta jiġri hekk, l-istazzjon ikun qed jikser id-dispożizzjonijiet ta’ Artiklu 16K tal-Att Dwar ix-Xandir jew tat-Tielet Skeda tal-istess Att, ħassejt li għandi nipprovdi dawn il-linji gwida għall-istazzjonijiet:


i) aħbarijiet dwar avvenimenti marbutin ma’ xi entità kummerċjali jistgħu jiġu inklużi f’bullettin tal-aħbarijiet jekk verament ikollhom valur t’aħbar;


ii) il-fatt li xi personalità pubblika tkun ħadet sehem f’avveniment mtella’ minn xi entità kummerċjali mhux neċessarjament jikkostitwixxi valur t’aħbar;


iii) bl-istess mod, stqarrija għall-midja maħruġa minn xi entità kummerċjali mhux neċessarjament ikollha valur t’aħbar;


iv) meta, fil-ġudizzju tagħħa, taqsima tal-aħbarijiet ta’ stazzjon tax-xandir tikkunsidra li xi avveniment imtella’ minn entità kummerċjali jew stqarrija maħruġa minn tali entità fil-fatt ikollha valur t’aħbar, il-kontenut tal-aħbar għandu jkun limitat għal dak li għandu valur t’aħbar, u dak li huwa ta’ natura purament promozzjonali għandu jiġi evitat. Hija ħaġa normali li entità kummerċjali tipprova tieħu vantaġġ promozzjonali fil-midja, iżda min-naħa l-oħra stazzjon tax-xandir għandu jkun konxju tal-parametri legali li fihom jopera;


v) waqt li hija prattika normali, l-aktar għal stazzjonijiet televiżivi li, fil-bullettini tal-aħbarijiet tagħhom, itellgħu wkoll stejjer pożittivi u leġġeri, u l-Awtorità m’għandha l-ebda diffikultà b’din il-prattika, l-istazzjon huwa fid-dmir li jaċċerta li dawn l-istejjer ma jkollhomx sfond kummerċjali li, f’pajjiż żgħir bħal tagħna, ikun faċilment identifikabbli u li għalhekk, skont l-Att Dwar ix-Xandir, ikun jitqies bħala reklamar b’ħabi (surreptitious advertising);

Nappella lill-istazzjonijiet tax-xandir sabiex jimxu ma’ dawn il-linji gwida. Jekk dan ma jseħħx, allura nkun kostrett noħroġ akkuża kontra l-istazzjon in kwistjoni skont l-Att Dwar ix-Xandir. F’dan ir-rigward, irrid infakkarkom li, jekk stazzjon jinstab ħati ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ Artiklu 16K tal-Att Dwar ix-Xandir, li jirriferi, fost ħwejjeġ oħra, għal reklamar b’ħabi, l-istazzjon jista’ jeħel penali ta’ 2,330 ewro.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
18 t’Ottubru 2010
Ref 17/62