PR 13/13
Stqarrija tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-Aħbarijiet fuq TVM
Matul dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità tax-Xandir kellha laqgħat fuq bażi formali u bażi informali mal-Management tal-PBS li matulhom iddiskutiet aspetti li kienu qed jippreokkupaw lill-Awtorità fir-rigward ta’ ċerti programmi u dwar il-mod kif qed jittellgħu l-Aħbarijiet ta’ TVM.
L-Awtorità kienet tal-fehma li bħala regolatur kellha żżomm dawn il-kuntatti biex tipprova twassal lill-PBS biex itella’ servizz tal-aħbarijiet li jixraq lill-istazzjon nazzjonali, u turi fejn kien qed jirriżultalha li hemm nuqqasijiet, biex dawn in-nuqqasijiet jiġu rimedjati.
L-Awtorità nnutat li f’ċerti okkażjonijiet il-preokkupazzjonijiet tagħha ġew indirizzati u dan saħħilha l-fehma li l-aħjar mod kif jistgħu jiġu eliminati ċerti nuqqasijiet kien permezz ta’ djalogu bejn l-Awtorità u l-istazzjon.
F’dawn l-aħħar ġimgħat madankollu, wara li kompliet bl-istudju tagħha tar-rapporti ta’ moniteraġġ, l-Awtorità rriżultalha li kien hemm diversi istanzi li jindikaw li għad qed ikun hemm nuqqas ta’ imparzjalità fil-mod kif qed jiġu rapportati ċerti avvenimenti, kif qed issir selettività fix-xandir ta’ aħbarijiet, kif ukoll f’dak li huwa kontenut u preżentazzjoni.
Għalhekk, waqt laqgħa tal-Awtorità li saret illum, ġie deċiz li l-Awtorità tikteb formalment lill-PBS u telenka dawk in-nuqqasijiet li għadhom qiegħdin jippreokkupawha serjament u bil-poteri mogħtija lilha bl-Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir qed twiddeb l-istazzjon għall-aġir li għalih saret referenza f’din l-ittra u tesiġi li tali tendenzi jiġu retifikati b’mod immedjat biex il-prinċipji ta’ imparzjalità u trattament ġust jiġu assigurati fuq l-istazzjon tax-xandir nazzjonali partikolarment fi żmien sensittiv fl-aħħar ġimgħatejn tal-kampanja elettorali.
Barra minn hekk ai termini tal-istess Artiklu fuq ċitat qed tordna li din l-Istqarrija tinqara fl-intier tagħha eżatt wara s-slot tal-Aħbarijiet dwar il-Kampanja Elettorali fil-bullettin tal-Aħbarijiet tat-8pm ta’ TVM illum 22 ta’ Frar 2013.
Mario Axiak
|
22 ta’ Frar 2013
|
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
|
Ref 13/91
|