Ċirkulari 13/19
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet tat-Televiżjoni
Reklam ta’ Schneider Electric Protective Devices
Bħalissa fuq l-istazzjonijiet lokali qed jixxandar reklam ta’ Schneider Electric Protective Devices. F’dan ir-reklam tidher tifla ċkejkna (minorenni) iddaħħal turnavit ġo plakka bil-konsegwenza ta’ qtugħ fil-provvista tad-dawl tad-dar li tidher tinsab fiha. Fir-reklam jingħad, “Make your home a safe and tranquil place for those who matter the most. You can’t buy peace of mind but you can invest in Schneider Electric Protective Devices. Available in stock at Electra and leading stores.” Minħabba l-mod kif din il-minorenni qed tiġi assoċjata ma’ inċident perikoluż, dan ir-reklam jinħass li jmur kontra l-provvedimenti fil-L.S. 350.05, Kodiċi tax-Xandir dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, partikolarment Para. 20(e) li jgħid li:
“Kull sitwazzjoni fejn il-minuri jintwerew jew jinstemgħu f’reklami għandhom jitqiesu b’attenzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sigurtà. Għandu jittieħed in konsiderazzjoni li, f’ċerti ċirkostanzi, eżempji ħżiena mill-adulti jistgħu jinkoraġixxu lill-minuri li jimitaw dik it-tip ta’ kondotta. Ċirkostanzi li għandhom jiġu evitati jinkludu dawn li ġejjin:
(e) il-minuri ma għandhomx jintwerew jużaw is-sulfarini, jew xi gass, petrol, pitrolju, jew xi apparat li jaħdem b’mod mekkaniku jew bid-dawl li jista’ jwassalhom iġarrbu xi forma ta’ feriment;”
L-Awtorità tfakkar biex issegwu l-Att Dwar ix-Xandir, inkluż il-Leġislazzjoni Sussidjarja, sabiex każijiet bħal dawn jiġu evitati minnufih.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
14 t’Ottubru 2019
Ref 36/00