13/22 - 29 ta' Novembru 2022




Ċirkulari 13/22

 

Lill-Istazzjonijiet Kollha tar-Radju u Televiżjoni

  

Rapurtaġġ ta’ każijiet kurrenti ta’ kronaka

  

Fid-dawl tar-rappurtaġġ ta’ diversi każijiet ta’ kronaka li seħħew riċentament, inkluż ir-rappurtaġġ ta’ proċeduri fil-Qrati inkonnessjoni ma’ dawn il-każijiet, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet televiżivi u tar-radju dwar numru ta’ punti.

 

Minkejja li l-Awtorità tax-Xandir tifhem li l-elementi tal-immedjatezza u esklussività fir-rappurtaġġ ta’ ċertu ġrajjiet huma essenzjali fl-għoti tal-informazzjoni, l-Awtorità tixtieq tfakkar li sfortunatament, wara l-istejjer li jiġu rrappurtati, hemm persuni li jgħaddu minn tbatija kbira frott iċ-ċirkustanzi tal-każ.

 

Għaldaqstant huwa imperattiv li s-servizzi tax-xandir jagħtu attenzjoni partikolari u jqisu sewwa dak li jinkludu fir-rappurtaġġi tagħhom, kemm viżwalment, kif ukoll f’termini ta’ informazzjoni. B’rabta ma’ dan wieħed irid iżomm f’moħħu b’mod speċifiku;

 

  • Artiklu 13(2) tal-Att dwar ix-Xandir
  • L.S.350.14, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-Programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti
  • L.S.350. 15, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir
  • L.S. 350.16, Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Kif Għandhom Ikunu rappurtati Traġedji fix-Xandir

 

Filwaqt li din l-għodda legali għandha titħares mix-xandara b’mod riġoruż minħabba l-fatt li kwalunkwe inadempjenza fir-rigward tista’ twassal għal penali skont id-dispożizzjonijiet tal-Ħames Skeda tal-Att dwar ix-Xandir, l-Awtorità tax-Xandir tixtieq tenfasizza li x-xandara jridu mhux biss iħarsu l-provvedimenti tal-Att iżda wkoll jirrappurtaw b’sens ta’ etika, kawtela u empatija fil-konfront tal-persuni involuti fil-każ.

  

Għall-kuntrarju tad-diversi sorsi ta’ informazzjoni li jeżistu, is-servizzi lliċenzjati mill-Awtorità tax-Xandir huma sorsi professjonali ta’ informazzjoni b’responsabbilità editorjali reġistrata, u bħala tali għandhom obbligi partikolari lejn l-udjenzi tagħhom.

 

Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
29 ta’ Novembru 2022

Ref : 144/01