Din iċ-ċirkulari tinkludi diversi punti:
- Aktar spjega dwar l-interpretazzjoni tal-Artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir
- Televoting u kompetizzjonijiet permezz ta’ SMS
- Ripetizzjonijiet ta’ programmi
- Id-dritt tal-privatezza ta’ individwi li jipparteċipaw f’programmi fuq ir-radju u tteleviżjoni
Interpretazzjoni tal-Artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir
Wara li aktar kmieni l-Awtorità kkomunikat l-interpretazzjoni tal-Artikli 4 u 9 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju, inħasset il-ħtieġa li jkun hemm aktar spjegazzjoni tal-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikli. L-għan ewlieni tal-Awtorità tax-Xandir huwa li tagħmel distinzjoni ċara bejn rokna ta’ informazzjoni u reklamar.
Għalhekk fl-isfond ta’ dan il-qafas, dawn l-eżempji jikkostitwixxu ksur tal-Artikli 4 u 9.
Il-persuna li tagħti l-informazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tagħmel reklam fl-istess programm tal-prodott, servizz jew kumpanija, anke jekk dawn ikunu differenti minn dawk li tkellmet dwarhom fil-parti informattiva.
Waqt rokna ta’ informazzjoni mhuwiex permess li jidhru captions li jidentifikaw mil-liema kumpanija ġej mistieden/a li tkun/ikun qed jagħti/tagħti l-informazzjoni.
L-istess japplika għall-postijiet minn fejn tkun qed tixxandar ir-rokna ta’ informazzjoni jew saħansitra l-programm sħiħ. Il-preżentatur tar-rokna jew tal-programm fl-ebda ħin ma jista’ jsemmi minn fejn qed tixxandar ir-rokna jew il-programm. Il-preżentatur jista’ biss jagħti ħajr fl-aħħar għal min offrielu l-post biex ikun jista’ jixxandar il-programm minn dak il-post jew stabbiliment eċċ.
Preżentaturi ta’ programmi li għandhom rabta ma’ xi kumpanija partikolari jkunu jistgħu jirreklamaw dik il-kumpanija jew servizz fl-istess programm dment li n-natura talprogramm ma tkunx tali li l-kontenut tal-programm u r-reklam ikunu tal-istess xeħta.
Jista’ jingħata ħajr fi tmiem il-programm lil dik il-kumpanija jew kumpaniji li rrappreżentanti tagħhom ikunu ħadu sehem f’rokna informattiva f’dan il-programm. F’dan il-każ jista’ jidher biss il-logo tal-kumpanija.
Mhux l-ewwel darba li filmat li jixxandar waqt reklam jintuża waqt rokna ta’ informazzjoni. L-Awtorità hija tal-fehma li dan m’għandux ikun u li jrid ikun hemm filmati differenti f’każijiet bħal dawn. Fost il-każijiet li sikwit tiltaqa’ magħhom l-Awtorità’ ġie li jixxandru rkejjen li jippromwovu l-ivvjaġġar.
L-Awtorità nnutat ukoll xi programmi fejn il-preżentaturi jew l-assistenti fil-preżentazzjoni jużaw laptop waqt il-programm. Il-producers għandhom jaraw li d-ditta tal-laptop ma tkunx tidher b’mod ċar, l-aktar meta jsir ċertu tip ta’ filming fejn id-ditta tal-laptop tkun tinqara b’mod ċar u xi drabi tkun ukoll tidher b’mod evidenti għal ħin twil waqt ilpreżentazzjoni.
F’każ li tixtiequ aktar informazzjoni, nitlobkom tikkuntattjaw lil Joanna Spiteri li hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Monitoring tal-Awtorità tax-Xandir.
Televoting u Kompetizzjonijiet permezz ta’ SMS
Hemm numru konsiderevoli ta’ programmi li jagħmlu użu minn dan is-servizz. F’dawn l-aħħar ġimgħat l-Awtorita’ irċeviet numru ta’ interpellanzi minn telespettaturi li staqsew x’garanzija hemm li l-operaturi kollha tas-servizzi tal-mobile ikunu nklużi fit-televoting u kompetizzjonijiet.
Huwa d-dmir ta’ kull stazzjon li jinforma lis-semmiegħa u telespettaturi jekk xi kompetizzjoni jew televoting ma jkunx jinkludi xi network partikolari. F’dan il-każ, l-Awtorità tax-Xandir ma tqisx l-ismijiet tal-kumpaniji li jkunu nklużi f’tali kompetizzjonijiet u televoting bħala reklam.
Eżempju: "F’dan it-televoting jistgħu jieħdu sehem biss l-abbonati ma’ X, Y u Z eċċ.’ Jew, ‘Din il-kompetizzjoni bl-sms hija miftuħa biss għall-abbonati ta’ ……"
B’hekk tkunu qed taċċertaw li dawk it-telespettaturi li jkollhom servizz ta’ network li ma tkunx qiegħda nkluża fil-kompetizzjoni jew televoting ma jibagħtux messaġġi għal xejn mingħajr iċ-ċans li jirbħu r-rigal jew rigali li jkun hemm offruti.
Fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorità tax-Xandir beħsiebha tagħti aktar attenzjoni lil dan ilqasam u l-mod ta’ kif għandhom jitmexxew il-kompetizzjonijiet bi premju fuq il-mezzi taxxandir. Infakkarkom li hemm avviz legali (267/2007) li jirregola dan il-qasam.
L-Awtorita’ qed tinnota wkoll li programmi li jkollhom rigali marbuta mat-televoting mhux dejjem qed isemmu min huma r-rebbieħa. Filwaqt li l-istess programmi jagħtu importanza ta’ x’rigali jistgħu jintrebħu minn dawk li jieħdu sehem fit-televoting, madankollu l-Awtorità rat li l-programmi mhux qed jagħtu l-istess priorità biex iħabbru min kienu r-rebbieħa ta’ dawn ir-rigali li jkunu marbuta mat-televoting.
B’referenza għal dak li kien diġà ġie kkomunikat f’ċirkulari 20/08 fejn fi programmi ripetuti jkun hemm kompetizzjonijiet jew fejn telespetatturi jintalbu biex iċemplu u jidhru n-numri tat-telefon jew tal-SMS, huwa importanti li din il-parti tal-programm titneħħa jew għandha tittella’ caption li tgħid “Peress li dan il-programm huwa ripetizzjoni, ilkompetizzjoni m’għadhix valida”. Il-caption għandha ssir b’tali mod li tindika li ttelefonati u l-SMS’s m’għadhomx japplikaw biex it-telespetattur ikun infurmat li dan ilprogramm huwa ripetut.
Ripetizzjoni ta’ programmi
Hija l-prassi ta’ ħafna stazzjonijiet li jxandru ripetizzjonijiet ta’ programmi f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Infakkarkom li huwa obbligu ta’ kull stazzjon li jiżgura li ma jixxandrux programmi li huma intenzjonati għal udjenza matura f’ħinijiet ta’ filgħodu. Ħafna drabi dan isir waqt l-iskedi tas-sajf u mhux l-ewwel darba li d-Dipartiment tal-Monitoring kellu jiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet dwar reklami li jkunu qed jixxandru barra minn ħinhom fosthom alkoħol, logħob tal-ażżard, eċċ. Huwa l-obbligu tagħkom ukoll li waqt ir-ripetizzjonijiet tal-programmi ma turux xeni li ma jkunux addattati għat-tfal.
Id-dritt tal-privatezza ta’ individwi li jipparteċipaw f’programmi fuq ir-radju u ttelevizjoni
Mhux l-ewwel darba li preżentaturi sew fuq ir-radju sew it-televiżjoni jispiċċaw f’diskursata ma’ semmiegħa jew telespettaturi li jkunu ċemplu biex jipparteċipaw f’xi programm. S’hawn m’hemm xejn ħażin, dment li l-preżentaturi ma jħallux id-diskursata ssir personali fejn jingħata wisq tagħrif dwar il-persuna li tkun qed iċċempel. Agħar minn hekk, meta waqt din id-diskursata jissemmew ukoll terzi persuni u b’hekk tkun qed tinkser il-privatezza wkoll ta’ min mhuwiex b’mod dirett qed jieħu sehem fid-diskursata imxandra waqt il-programm. Apparti li dan huwa aġir imprudenti għall-aħħar, jista’ jwassal biex persuni jkollhom is-sigurtà tagħhom mhedda minħabba d-dettalji żejda li jiġu żvelati waqt diskursata tali.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
22 ta’ Lulju 2009
Ref 17/62, 88/07, 2/00, 45/00