14/15 - 09 Apr 2015




Ċirkulari 14/15

Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir

Jumejn tas-Silenzju - Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali 2015 u Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa

Infakkarkom li l-kampanja b’rabta mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali 2015 u r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa tiġi fi tmiemha llejla f’nofsilejl u allura b’hekk jibda l-perjodu tas-silenzju.

Permezz ta’ din iċ-ċirkulari qed infakkarkom biex ma jsir l-ebda tip ta’ xandir wara nofsilejl li b’xi mod jista’ jiġi interpretat li qed jikser il-provedimenti tad-direttiva. B’mod partikulari niġbdilkom l-attenzjoni sabiex tiżguraw li ma tiġi mxandra l-ebda ripetizzjoni ta’ programmi li jkunu xxandru matul il-jum tal-Ħamis jew ġranet qabel u li fihom ikun hemm kontenut li jitqies ta’ natura politika jew b’xi mod jista’ jiġi interpretat li jikser il-provedimeni tal-jum tas-silenzju.

Waqt il-jum tal-votazzjoni mhux permess li stazzjon ixandar żjarat tal-mexxejja jew uffiċjali għolja tal-partiti politiċi li dawn jistgħu jagħmlu f’każini, pjazez, toroq jew kwartieri/ufficini. Dawn iż-żjarat jistgħu jixxandru biss wara l-għeluq tal-postijiet tal-votazzjoni. L-istess ħaġa tgħodd għall-uffiċjali u/jew kelliema tal-Movimenti Iva Bħala Maltin u Ewropej u SHout.

Daqstant ieħor mhux permess li stazzjon ixandar storja jew rapport li jkun qed jidher fuq xi sit elettroniku li fin-natura tiegħu jitqies li jikser il-provvedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju.

M’għandu jixxandar l-ebda crawl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li b’xi mod tista’ tiġi interpretata li qed tikser il-provvedimenti tal-ġranet tas-silenzju.

F’każ li stazzjon tat-televiżjoni jagħżel li jxandar logo speċifikament għall-ġurnata tal-Elezzjoni tal-Kunsilli Lokali 2015 u/jew r-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa għandu jiġi aċċertat li tali logo ma jkunx assoċjat mal-logos jew emblemi użati mill-partiti politiċi jew il-movimenti referendarji waqt iż-żewġ kampanji elettorali.

Intom ukoll imfakkra li ksur tad-direttiva tal-Awtorità jista’ jwassal għal ksur tal-Liġi Elettorali li jista’ jwassal għall-proċeduri kriminali mill-Pulizija.

F’każ ta’ xi diffikultà nitlobkom tikkuntattjawni direttament.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv 
9 t’April 2015
Ref 1/15