Ċirkulari 17/13
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Nazzjonali tax-Xandir
Jumejn tas-Silenzju - Elezzjonijiet 2013
Issa li l-kampanja elettorali riesqa lejn l-aħħar ġimgħa, l-Awtorita tħoss il-ħtieġa li terġa’ ġġib għall-attenzjoni tagħkom il-provvedimenti tad-direttiva li ħarġet diġà l-Awtorità, li jelenkaw x’inhu permess u x’mhuwiex waqt il-jumejn ta’ silenzju.
Mehmuża ma’ din iċ-ċirkulari qed jerġgħu jiġu nklużi l-provvedimenti speċifici li għandhom x’jaqsmu mal-jumejn ta’ silenzju. Intom fid-dover li tiżguraw li l-ġurnalisti u preżentaturi tal-istazzjon tagħkom ikunu akkorrenti ma’ dawn il-provvedimenti sabiex ma jkunx hemm ksur tal-liġi.
Kif tafu, nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu u s-Sibt, 9 ta’ Marzu ma jista’ jsir l-ebda xandir li jmur kontra l-provvedimenti tad-direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir. Peress li l-ġranet ta’ silenzju jibdew minn nofs il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, kull stazzjon għandu jiżgura li matul il-lejl ma jiġux ripetuti programmi li jistgħu jitqiesu li jiksru l-provvedimenti tad-direttiva u għalhekk intom mitluba biex tieħdu l-miżuri kollha biex jiġu evitati passi min-naħa tal- Awtorità.
Intom imfakkrin li huwa permess li jiġu mxandra biss il-Mexxejja u d-deputati Mexxejja / Segretarju Ġenerali fil-post tal-votazzjoni tagħhom meta dawn imorru biex jivvutaw u mhux permess li stazzjon ixandar xi kummenti (b’mod dirett jew indirett) tal-mexxejja jew uffiċjali oħra tal-partiti politiċi qabel jew wara li dawn jivvutaw.
Lanqas mhu permess li stazzjon ixandar żjarat tal-mexxejja jew uffiċjali għolja tal-partiti politiċi li dawn jistgħu jagħmlu f’każini, pjazez, toroq jew kwartieri/ufficini. Dawn iż-żjarat jistgħu jixxandru biss wara l-għeluq tal-postijiet tal-votazzjoni.
Daqstant ieħor mhux permess li stazzjon ixandar storja jew rapport li jkun qed jidher fuq xi sit elettroniku li fin-natura tiegħu jitqies li jikser il-provvedimenti marbuta mal-ġranet tas-silenzju.
M’għandu jixxandar l-ebda crawl fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni li b’xi mod tista’ tiġi interpretata li qed tikser il-provvedimenti tal-ġranet tas-silenzju.
F’każ li stazzjon tat-televiżjoni jagħżel li jxandar logo speċifikament għall-ġurnata tal-Elezzjoni Ġenerali u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, għandu jiġi aċċertat li tali logo ma jkunx assoċjat mal-logos jew emblemi użati mill-partiti politiċi waqt il-kampanja elettorali.
Ix-xandir ta’ diski jew innijiet li huma konnessi ma’ partiti politiċi jew li ntużaw bħala parti integrali mill-kampanja elettorali mill-partiti politiċi ma jistgħux jindaqqu fuq il-mezzi tax-xandir waqt il-jumejn ta’ silenzju.
Intom ukoll imfakkra li ksur tad-direttiva tal- Awtorità jista jwassal għal ksur tal-Liġi Elettorali li dwarha jistgħu iwasslu għall-proċeduri kriminali mill-Pulizija.
F’każ ta’ xi diffikultà nitlobkom tikkuntattjaw direttament lill-Kap Eżekuttiv tal- Awtorità.
Pierre Cassar |
Kap Eżekuttiv |
1 ta’ Marzu 2013 |
Ref 10/62/19/118 |