17/15 - 19 Jun 2015




Ċirkulari 17/15

Skedi tas-Sajf

Issa li qed noqorbu lejn il-bidu tal-iskedi tas-sajf, qed inġib għall-attenzjoni tagħkom numru ta’ punti.

(i) Peress li ħafna stazzjonijiet jagħżlu li jirrepetu numru ta’ programmi li diġà jkunu xxandru fi skedi preċedenti, kull stazzjon irid jiżgura li ma jxandar l-ebda edizzjoni ta’ kwalunkwe programm li jkun instab ħati mill-Awtorità tax-Xandir ta’ ksur tal-provedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir. F’każijiet bħal dawn, l-istazzjon għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex dik il-parti jew dawk il-partijiet tal-programm li nstabu li kienu kisru d-dispożizzjonijiet tal-liġi jiġu editjati.

(ii) Hemm il-prassi li numru ta’ stazzjonijiet jirrepetu sensiliet ta’ drama li oriġinarjament ikunu xxandru fi skedi preċedenti. Importanti li kull stazzjon jindika l-età addattata ta’ dawn il-programmi waqt ir-repetizzjoni. Dawk l-edizzjonijiet li oriġinarjament kienu indikati bħala tajbin biss għall-telespettaturi ‘l fuq minn 18-il sena ma jistgħux jintwerew qabel id-9.00p.m.

(iii) Promozzjonijiet ta’ programmi tad-drama li jsiru f’ħinijiet varji tal-ġurnata għandhom ukoll jindikaw it-tabella ta’ klassifikazzjoni.

(iv) It-tqegħid tal-prodott tal-alkoħol jista’ jsir biss wara d-9.00pm. Għalhekk f’każ ta’ xi repetizzjoni tal-programmi, l-istazzjonijiet għandhom jieħdu l-prewkazzjonijiet kollha biex tali prodotti jiġu editjati jew ‘blurred’. L-istess ħaġa tapplika għal xi tqeghid tal-prodott ta’ loghob tal-azzard li madankollu jista’ jsir biss wara s-7.00pm.

(v) Fil-bidu t’April, l-Awtorità kienet ħarġet ċirkulari li fiha tat direzzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-irkejjen sponsorjati. Dan il-provediment huwa fis-seħħ u għalhekk dawk l-istazzjonijiet li beħsiebhom jirrepetu xi programmi li fihom irkejjen li magħhom hemm marbut il-messaġġ “Din ir-rokna ġiet miġjuba lilkom minn” jew “Din il-parti twasslet lilkom minn” ikunu qed jiksru l-provedimenti tal-liġi. Tali programmi jridu jiġu editjati biex ikunu konformi ma’ tali dispożizzjoni.

Programmi li huma repetizzjoni minn skediet preċedenti għandhom ikunu indikati bħala tali. F’każijiet fejn hemm xi kompetizzjoni li m’għadiex tapplika, kull stazzjon għandu d-dmir li jxandar crawl biex jinforma lit-telespettaturi li l-kompetizzjoni ma tapplikax.

Huwa l-obbligu ta’ kull stazzjon li jiżgura li dak kollu li se jixxandar fl-iskeda tas-sajf ikun konformi mal-liġi. Għalhekk nappellalkom biex kull stazzjon jagħmel skrutinju tajjeb tal-kontenut li jkun se jixxandar, anke l-programmi ripetuti u b’hekk jiġi aċċertat li jkun konformi mal-Att Dwar ix-Xandir.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
19 ta’ Ġunju 2015
Ref 88/07