Ċirkulari 18/15
Ċirkulari lill-istazzjonijiet tar-Radju Nazzjonali
Xandir ta’ spots –“Save the Embryo Protection Act Malta”
L-Awtorità tax-Xandir tagħmel referenza għal numru ta’ spots bħala parti mill-kampanja “Save the Embryo Protection Act Malta” li bħalissa qed jixxandru fuq diversi stazzjonijiet tar-radju.
Wara li l-Awtorità tax-Xandir iddiskutiet il-kontent tagħhom, bis-saħħa ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir qed tikkomunika din id-Direttiva li għandha tiġi segwita b’mod immedjat.
Spot (1) li huwa s-seġwenti:
A (Vuċi Maskili):- Kont taf li f’Malta ser tgħaddi liġi biex jistgħu jiġu ffriżati trabi li għadhom ma tweldux?
B (Vuċi Femminili):- Żurna fuq facebook
C (Vuċi ta’ minuri):- Save the embryo protection act Malta
Direttiva: Dan l-ispot għandu jitwaqqaf milli jixxandar minnufih, u dan minħabba li l-Awtorità tqis li parti minnu mhijiex fattwali.
Spot (2) li huwa s-segwenti (u l-verżjoni tiegħu bil-Malti)
A (Vuċi Femminili):- Are you aware that our country is considering passing a law where some children could never know who their father is?
B (Vuċi Maskili):- Visit facebook page
C (Vuċi ta’ minuri):- Save the embryo protection act Malta
Direttiva: Dan l-ispot għandu jitwaqqaf milli jkompli jixxandar sakemm l-Awtorità toħroġ komunikat ieħor.
Direttiva: L-Awtorità nnutat li fl-aħħar parti tal-ispots jinstema’ leħen ta’ minuri. L-Awtorità temmen li għal suġġett sensittiv bħal dan, f’kampanji fuq ix-xandir, m’għandhomx jintużaw minuri u għal dan il-għan qed tidderiġi lill-istazzjonijiet sabiex ma jxandrux tali spots qabel ma jsir it-tibdil meħtieġ f’dan is-sens, sabiex dawn l-ispots jiġu konformi ma’ din id-Direttiva.
Intant l-Awtorità tfakkar li dan is-suġġett jikkostitwixxi policy pubblika kurrenti u għalhekk l-istazzjonijiet għandhom l-obbligu li jagħtu l-istess faċilitajiet inkluż ammont ta’ ħin f’każ ta’ xi talba mingħand entità jew grupp b’opinjoni differenti dwar dan is-suġġett biex jixxandru spots simili.
Dan mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni li l-Awtorità tista’ tieħu biex taċċerta ruħha li tali spots ikunu wkoll konformi mal-provvedimenti tal-Att dwar ix-Xandir.
Pierre Cassar |
Kap Eżekuttiv |
21 t’Ottubru, 2015 |