19/19 - 20 Dec 2019




Ċirkulari 19/19

KORS FIL-KITBA BIL-MALTI (MQF 5)

Iċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti

L-Awtorità tax-Xandir temmen li l-użu tal-Malti fix-xandir għandu jkun ta’ livell għoli u li x-xandara u l-ġurnalisti għandhom jingħataw l-opportunitajiet kollha possibbli mill-impjegaturi tagħhom biex ikunu mħarrġa kif jixraq ħalli jkomplu jitjiebu fit-tħaddim tal-lingwa. Għal dan il-għan, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, l-Awtorità għadha kif temmet kors qasir fil-Malti għax-xandara, il-qarrejja tal-aħbarijiet, u l-ġurnalisti. Issa, bħal kull sena, l-Awtorità se tissussidja wkoll il-ħlas tal-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti għal 3 xandara/ġurnalisti jew impjegati li jieħdu ħsieb il-grafika bil-Malti fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju.

Dan il-kors hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u l-Kunsill tal-Malti, u jwassal għaċ-Ċertifikat Universitarju fil-Qari tal-Provi bil-Malti ta’ Livell 5 (MQF) u għax-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) mill-Kunsill tal-Malti. Dan il-kors universitarju part-time hu twil sena u l-lezzjonijiet tiegħu jsiru darbtejn fil-ġimgħa. Il-kors qed ikun offrut mill-ġdid f’Malta u f’Għawdex.

L-applikazzjonijiet miftuħin sal-10 ta’ Jannar 2020 fis-2pm mis-sit tal-Università: https://www.um.edu.mt/courses/search?text=proof+reading. Il-kors jibda fis-6 ta’ Frar 2020 f’Malta u l-għada f’Għawdex.

Kull min hu interessat jattendi għandu jikteb minnufih lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir, Dr Joanna Spiteri, fl-indirizz joanna.spiteri@ba.org.mt. L-għażla ta’ min jieħu s-sussidju ssir mill-Awtorità tax-Xandir b’diskussjoni mal-Kunsill tal-Malti. L-Awtorità tħoss li għandha l-obbligu li tikkontribwixxi f’dan il-proġett bil-għan li l-istazzjonijiet lokali jkollhom aktar nies imħarrġa fil-kitba ta’ lsienna li jistgħu jservu wkoll bħala punt ta’ referenza għall-kollegi tax-xogħol tagħhom.

Tagħrif dettaljat ieħor fuq il-kors issibu mis-sit www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp


Dr Joanna Spiteri
20 ta’ Diċembru 2019
Kap Eżekuttiv
Ref 73/01