[19/24] - Beacon Media Group Ltd




Stqarrija għall-istampa

6 ta’ Ġunju 2024

PR 19/24

 

L-Awtorità tagħmel referenza għal stqarrija maħruġa llum minn Beacon Media Group Ltd rigward seduta li kienet għaddejja dak il-ħin li din l-istqarrija intbgħatet matulu, kif ukoll seduta li kienet skedata għal ftit ħin wara. L-ewwel ilment, mismugħ fis-siegħa ta’ wara nofsinhar, kien imressaq mill-Partit Imperium Europa kontra RTK103 dwar dritt ta’ risposta għal kummenti li għamel is-Sur Peppi Azzopardi waqt il-programm Andrew Azzopardi on RTK103 fit-18 ta’ Mejju 2024. It-tieni lment li kellu jiġi mismugħ kien ukoll imressaq mill-Partit Imperium Europa kontra l-istess stazzjon minħabba li ma mexiex mad-direttiva sabiex jistieden lill-partiti kollha nkluż il-partit lanjant u dan wara twissija pubblika mill-istess preżentatur.

Għal dawn ir-raġunijiet u ai termini tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.06 u 350.07, il-Kap Eżekuttiv kostretta ssegwi ilment bħal dan bl-akkuża. 

Dwar każ ieħor imsemmi fejn l-istazzjon ġie mmultat Euro 6,410,  l-Awtorità tgħid li din iċ-ċifra tinkludi multa preċedenti li l-istazzjon kien ingħata u li kienet waħda sospiża. Għalhekk peress li l-istazzjon kiser direttiva matul il-perjodu operattiv tal-ewwel multa, il-Bord applika wkoll is-somma sospiża. Madankollu ma tarax li għandha tagħti iżjed dettalji dwar dan il-każ peress li Beacon Media Group Ltd appella din id-deċiżjoni u għaldaqstant hija issa kkunsidrata bħala sub judice.

Dwar l-akkuża li tassisti l-ilment imressaq u allura fejn l-ammissjoni tax-xandar tattira multa ridotta ta’ Euro 4,190, Beacon Media Group Ltd mhumiex korretti meta jgħidu li jekk ma jiġġustifikawx il-pożizzjoni tagħhom tinħareġ din il-multa. Infatti, skont Skeda 5 ta’ Kapitolu 350, jekk l-istazzjon jinstab ħati dwar l-allegat ksur, il-multa ma tibqax waħda ridotta iżda tkun dik ta’ Euro 4,660 u dan dejjem skont l-istess Skeda 5.

L-Awtorità għal darb’oħra tiċħad li s-Segretarju tal-Bord Dr Adriano Spiteri huwa parti mill-Imperium Europa u tfakkar li hu ġie maħtur wara sejħa pubblika fejn ikkonfermat ukoll li ma kienx għadu uffiċjal jew direttament involut ma’ xi partit politiku. L-Awtorità tisħaq ukoll li l-irwol tas-Segretarju huwa wieħed limitat u mniżżel fil-L.S.350.06 li cioè jirreġistra l-minuti tas-smigħ, tali minuti jiġu mitkellma, aġġustati u kkonfermati mill-Bord, li jistieden il-partijiet jattendu għas-smigħ u li jivverifika l-identità ta’ kull min jattendi. Għaldaqstant ma għandu ebda rwol ta’ vot jew involviment fid-deċiżjonijiet, kif diġà ritenut fl-istqarrija datata 25 ta’ Jannar 2024.

L-Awtorità tikkundanna wkoll l-aġir ta’ Beacon Media Group Ltd li b’antiċipazzjoni ddeċidiet li tippubblika stqarrija f’mument prematur meta l-Bord kien għadu jrid jisma l-ilmenti. Infatti l-Bord iddiferixxa t-tieni lment, li huwa assistit bl-akkuża, għar-raġuni li l-istazzjon ma rċeviex il-kontenut oriġinali.

 

 

Dr Joanna Spiteri

Kap Eżekuttiv