Applikazzjonijiet għal Stazzjonijiet tar-Radju tal-Komunità
Spiss qed jiġri li ċerti stazzjonijiet, speċjalment dawk li jxandru għal xahar jew anqas, qed japplikaw għal liċenzja ta’ xandir ftit ġranet qabel id-data tal-ippjanat ftuħ tal-istazzjon. Minħabba f’hekk, l-Awtorità qed issib ruħha f’diffikultà biex tipproċessa tali liċenzji fil-ħin. Infakkarkom li ħadd ma jista’ jxandar mingħajr liċenzja valida maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir skont il-provedimenti tal-Att Dwar ix-Xandir.
Biex jiġi żgurat li applikazzjoni tiġi proċessata fi żmien raġonevoli, mit-2 ta’ Jannar 2016 mhux se jiġu aċċettati applikazzjonijiet li ma jaslux għand l-Awtorità mill-anqas erba’ ġimgħat qabel il-bidu tat-trasmissjonijiet tal-istazzjon. Nittama li tieħdu nota ta’ dan biex ma tkunux diżappuntati.
Kull applikazzjoni trid tkun f’isem persuna li jkun qed jirrappreżenta soċjetà jew għaqda u mhux fl-isem l-għaqda biss. L-applikant li f’ismu tidher il-liċenzja jrid jissottometti kondotta tal-pulizija. Għal dawk l-istazzjonijiet li jxandru b’mod temporanju (short-term) tali kondotta trid tiġi mehmuża darba kull tliet snin dment li l-applikant ikun l-istess.
Infakkarkom ukoll li stazzjon tal-komunità, kif jixhed l-isem, irid ikun marbut mal-lokalità li jxandar fiha. Dan irid jiġi rifless fl-iskeda tal-programmi li uħud minnhom iridu jindirizzaw b’mod dirett il-ħtiġijiet tal-lokal. Qed ikun hemm wisq każijiet fejn stazzjonijiet jissottomettu skedi li jkunu jikkonsistu biss fi programmi ta’ mużika. Dan mhuwiex aċċettabbli għall-Awtorità u għalhekk qed nappella biex id-diriġenti tal-istazzjonijiet jagħmlu sforz ġenwin sabiex jinżamm il-karattru tal-istazzjonijiet tal-komunità. Fin-nuqqas ta’ dan, l-Awtorità tirriserva d-dritt li tirrifjuta l-għoti ta’ liċenzji lil dawk l-istazzjonijiet tal-komunità li l-programmi tagħhom ikunu biss ta’ mużika.
Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
4 ta’ Diċembru 2015
Ref 3/91