Stqarrija 20/19
23 t’Awwissu 2019
Kors fil-Malti għall-Ġurnalisti, il-Qarrejja tal-Aħbarijiet u x-Xandara
Minn żmien għal żmien l-Awtorità tax-Xandir tkompli taħdem biex il-lingwa Maltija fix-xandir tkun użata b’mod tajjeb mix-xandara, ġurnalisti u qarrejja tal-aħbarijiet. Sikwit issir kritika mis-semmiegħa u t-telespettaturi ta’ kif qed jintuża l-Malti fix-xandir kemm dak mitkellem kif ukoll dak miktub. L-Awtorità fil-monitoraġġ regolari tagħha tiltaqa’ ma’ diversi nuqqasijiet fl-użu tal-ilsien Malti u tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjonijiet bil-għan li dawn jiġu rranġati u ma jirrepetux ruħhom.
L-Awtorità tax-Xandir tibqa’ għaddejja b’ħidma kontinwa fejn filwaqt li tara li l-liġijiet tax-xandir jiġu osservati tagħti wkoll kontribut fit-taħriġ lix-xandara fir-rigward tal-użu tal-ilsien Malti fix-xandir. Dan tagħmlu kull sena billi tisponsorja l-ħlas kollu tal-parteċipazzjoni ta’ erba’ persuni li jaħdmu fil-qasam tax-xandir għall-kors universitarju li jwassal għal Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti.
Barra minn hekk l-Awtorità tikkontribwixxi wkoll billi torganizza seminars bil-għan li taġġorna lix-xandara dwar deċiżjonijiet riċenti li jkunu ttieħdu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fit-tħaddim tal-lingwa Maltija. L-aħħar seminar sar fis-6 ta’ Marzu li għadda u bis-saħħa tiegħu x-xandara, il-produtturi u n-nies li jaħdmu fil-qasam tax-xandir kienu infurmati dwar l-aħħar deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Malti fuq il-kitba tal-kliem mill-Ingliż fil-Malti.
Għal darb’oħra l-Awtorità se tkun strumentali biex tkompli tagħti taħriġ lix-xandara u dan permezz ta’ kors fil-Malti li ser isir għall-ġurnalisti, il-qarrejja tal-aħbarijiet u x-xandara. Wara taħditiet mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, intlaħaq qbil sabiex jiġi organizzat kors li jkun mifrux fuq disa’ ġimgħat bejn Ottubru u Diċembru li ġej. Dan il-kors f’għamla ta’ lezzjonijiet qosra ser isir minn letturi tal-Università u se jkun qed jittratta s-sengħa tal-kitba, it-traduzzjoni u l-għażla tal-kelma, il-pronunzja u d-dizzjoni, u r-riżorsi tal-Malti.
Il-ħlas tal-kors hu ta’ 20 ewro u l-lezzjonijiet se jkunu kull nhar ta’ Erbgħa min-12.30 sas-14.30 fl-Università l-Qadima l-Belt. Kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jżur il-websajt tal-Awtorità tax-Xandir fuq www.ba-malta.org.
Dr Joanna Spiteri
Kap Eżekuttiv
23 t’Awwissu 2019
Press here for Press Releases Archive