26/13 - 07 Aug 2013




Ċirkulari 26/13

Ċirkulari lill-istazzjonijiet kollha tar-Radju tal-Komunità

Log Tapes li Jridu Jinżammu għal 90 ġurnata

Dan l-aħħar l-Awtorità tax-Xandir għamlet eżerċizzju ta’ moniteraġġ fuq diversi stazzjonijiet tal-komunità. Għal dan il-għan, id-Dipartiment tal-Monitoring jitlob il-log tapes tat-trasmissjoni ta’ ċerti ġranet.

Jirriżulta li f’bosta każijiet, l-istazzjonijiet kellhom diffikultà biex ifornu lill-istess Awtorità tax-Xandir b’kopja tax-xandir fuq l-istazzjon tagħhom u dan bi ksur tal-liġi. Diversi drabi ġie osservat li fil-log tapes ikun hemm ħinijiet fejn ma kienx hemm kopja tal-programmi li suppost kienu qed jixxandru f’dak il-ħin jew inkella saħansitra kontenut li ma kienx jaqbel mal-ġurnata u l-ħin indikat fuq il-log tape.

Għal darba oħra nħoss il-bzonn li nelenka l-obbligu leġali li stazzjon tal-komunità iżomm kopja tax-xandiriet tal-istazzjon għal perjodu ta’ 90 ġurnata u dan skont kif rifless f’ Paragrafu 2 (c) (i) u (ii) tal-Ewwel Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir li jitolbu lid-detentur tal-liċenzja –

(i) biex iżomm għal perjodu ta’ disgħin jum recording ta’ kull programm inkluż fis-servizz b’liċenzja;

(ii) biex fuq talba tal-Awtorità jew ta’ qorti tal-ġustizzja jipproduċi lilha kull recording bħal dak.

Huwa għalhekk ferm importanti li kull stazzjon tal-komunità (anki dawk li joperaw fuq bażi temporanja) jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li jkollhom kopja sħiħa tax-xandiriet fuq l-istazzjon tagħhom għal perjodu ta’ 90 ġurnata. Fuq talba tal-Awtorità tax-Xandir jew saħansitra mill-Qorti, kull detentur ta’ liċenzja ta’ radju tal-komunità jrid jgħaddi kopja ta’ tali xandira li tkun fidila għal dak li jkun ixxandar fil-ġurnata jew ġranet partikulari mitluba.

Fin-nuqqas li stazzjon jew jonqos li jipprovdi tali recordings jew li r-recordings sottomessi ma jkunux kompluti, l-istazzjon ikun qed jikser il-liġi u nkun kostrett li noħroġ akkuża li magħha hemm marbuta penali ta’ elf mija u sittin Euro (€1,160).

Għalhekk nappellalkom sabiex timxu mal-provedimenti tal-liġi u tieħdu dawk il-miżuri meħtieġa ħalli tkunu konformi mal-liġi.

Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
7 t’Awwissu 2013
Ref 3/91