[26/19] - Ħadd Għalik tal-15 ta’ Diċembru 2019




Stqarrija 26/19

Ħadd Għalik tal-15 ta’ Diċembru 2019

Fl-isfond tal-kontroversja li nqalgħet fir-rigward tal-programm Ħadd Għalik li kien previst li jixxandar ilbieraħ, l-Awtoritá tax-Xandir intalbet tintervjeni mill-Onorevoli David Agius wara li s-Sur Agius ħass li l-programm tal-logħob mad-dami tal-pantomimi tal-Milied ma kellux jixxandar u dan wara li skont hu nbidlu ċ-ċirkostanzi minn mindu kien sar ir-rikording tal-programm ħames ġimgħat qabel.

L-Awtorità tixtieq tiċċara li, lejlet li kellu jixxandar il-programm, iddiriġiet li dan jista’ jixxandar bi crawl li kellha tintwera matul il-programm u li kienet ser tindika li dan kien ġie rrekordjat ħames ġimgħat qabel. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lill-Onoroveli David Agius u lill-PBS.

Wara din il-komunikazzjoni, l-Onoroveli David Agius reġa’ bagħat komunikazzjoni darb’oħra u talab sabiex partijiet mill-programm fejn jidhru d-deputati Nazzjonalisti jiġu editjati. Dan però ma seta’ qatt isir mill-Awtorità minħabba li ma għandhiex il-fakultà li teditja partijiet minn xi programm. Ir-rwol tal-Awtorità tax-Xandir hu li tara li meta jixxandar programm, dan ikun qed iħares il-provvedimenti tal-liġi tax-xandir.

Mario Axiak
16 ta’ Diċembru 2019
Kap Riċerka u Komunikazzjoni
Ref 13/91