Ċirkulari 28/13
Ċirkulari lill-Istazzjonijiet Kollha tax-Xandir
Programmi Li Fihom Jinġabru l-Flus Għall-Karità
Minn żmien għal żmien numru ta’ stazzjonijiet, sew tat-televiżjoni, kif ukoll tar-radju, jorganizzaw maratoni ta’ ġbir, liema flus imorru għal xi għan filantropiku jew għall-karità. Fihom infushom dawn ix-xandiriet għandhom għan tajjeb għax permezz tagħhom jinġabru somom ta’ flus li minnhom igawdu entitajiet jew persuni li għandhom bżonn għajnuna finanzjarja.
Tali xandiriet huma regolati mil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.31 Ħtiġijiet Dwar Standards u Prattika dwar Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direzzjonjijiet dwar Kollezzjonijiet Pubbliċi fuq il-Mezzi tax-Xandir. Għalhekk, huwa l-obbligu ta’ kull stazzjon li jara li waqt tali xandiriet jixxandar in-numru tal-permess maħruġ mill-Kummissarju tal-Pulizija jew in-numru taċ-ċertifikat maħruġ mill-Kummissarju Għall-Organizazzjonijiet Volontarji, kif inhu mitlub minn din il-liġi.
Waqt maratona b’risq il-missjoni li xxandret nhar l-14 u l-15 ta’ Settembru fuq diversi stazzjonijiet, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ dawn in-numri u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi.
Filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir tifhem li hija r-responsabbiltà tal-organizzaturi li jkollhom il-permessi meħtieġa u li dawn jixxandru skont il-liġi, ir-relazzjoni tal-Awtorità tax-Xandir hija direttament mal-istazzjon u mhux mal-organiżżaturi. Rigward dan il-każ partikulari, l-Awtorità aċċettat id-difiża tal-organiżżatur li n-nuqqas kien ġej kompletament minnu u dan minħabba li hu ma kienx infurmat biżżejjed dwar il-ħtiġijiet legali dwar il-ġbir ta’ donazzjonijiet fuq il-mezzi tax-xandir. Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorità m’hi ser tieħu l-ebda passi ulterjuri. Madankollu, ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att Dwar ix-Xandir, qed tidderiġi lill-istazzjonijiet kollha li fil-futur, f’każ li organizazzjoni jew individwu jonqos milli jkollha/u l-permess meħtieġ (ħlief fejn tippermetti l-liġi), l-istazzjon għandu jirrifjuta li jxandar tali maratona ta’ ġbir.
Waqt xandir ta’ dawn il-maratoni ta’ ġbir huwa l-obbligu tal-istazzjon li jxandar in-numru tal-permess jew tal-Għaqda Volontarja skont il-każ, u dan biex jiġi evitat li l-Awtorità jkollha tieħu passi kontra l-istazzjon kif previst fil-liġi.
Pierre Cassar |
Kap Eżekuttiv |
21 t’Ottubru 2013 |