89.7 Bay - Artiklu 15 - Ġunju 2017




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-konfront ta’ 89.7 Bay rigwardnksur ta’ Artiklu 15 tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità għall-perjodu 8 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju 2017


L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ 89.7 Bay rigward allegat ksur ta’ Artiklu 15 tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir għall-perjodu 8 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju, 2017 meta minkejja li l-istazzjon kien ġie mgħarraf anke permezz ta’ ċirkolari li ma kellhomx jixxandru PSAs u produzzjonijiet informattivi b’xejra politika irriżulta li Bay Radio naqas li jaderixxi mad-Direttiva u l-imsemmija ċirkulari.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Kevin Decesare li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Lulju, 2017, li minn naħa tiegħu issottolinea l-fatt li Bay Radio fil-passat qatt ma kellu iwieġeb għal xi akkuża kontrih għax dejjem fittex li josserva l-liġi u r-regolamenti. Żied li tul il-kampanja elettorali l-istazzjon kien f’kuntatt kontinwu mal-uffiċċjali tal-Awtorità bil-għan li jottjeni direzzjoni fir-rigward ta’ dawn l-ispots.

Is-Sur Decesare qal li minkejja dan xi drabi kien jinħass li ma kienx hemm direzzjoni ċara tant li uffiċċjali tal-Awtorità xi jiem qabel kienu indikaw li ma kien hemm xejn ħażin fl-ispot in kwistjoni. Żied li madanakollu hekk kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dawn l-ispots twaqqfu immedjatament.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu tenut kont tal-fatt li l-istazzjon kien kawt u fittex li jikkonforma mad-Direttiva u kif ukoll aġixxa b’mod tempestiv biex jirrimedja n-nuqqas meta ġie infurmat li kien irriżulta ksur ta’ direttiva, iddeċidiet li ma kienetx ser timponi l-penali dovuta iżda li din kellha twiddeb lill-istazzjon biex ma jirrepetix tali nuqqas fil-futur.

Illum 24 ta’ Lulju, 2017