L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Bay Radio dwar xandira tal-10 t’Awwissu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta f’diversi każijiet (Bay Breakfast, Brunch to Lunch, u Nathan on the Drive) kien hemm nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-kontenut tax-xandira u l-aspett reklamatorju.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Kevin De Cesare, Kevin De Cesare Jr. u lill-Avukat Andre Gera de Petri li dehru f’isem l-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-23 t’Ottubru, 2012.
Is-Sur Kevin De Cesare qal li Bay Radio kien stazzjon mużikali u li d-DJ’s u l-preżentaturi kienu jitkellmu dwar dak kollu li kellu x’jaqsam mal-mużika kemm fix-xena lokali kif ukoll internazzjonali. Żied li dan l-istil kien jintogħġob mis-semmiegħa regolari li sena wara oħra waslu sabiex l-istazzjon ikun wieħed mill-aktar popolari f’Malta.
Is-Sur De Cesare qal li l-kontenut li għalih tirreferi l-akkuża kien jirrigwarda ż-żjara f’Malta ta’ grupp mużikali popolari Hed Kandi u kif ukoll attivitajiet mużikali oħra f’lokali differenti. Żied li l-grupp li huwa propjetarju tal-istazzjon ma kellu l-ebda konnessjoni jew interess kummerċjali f’dawn l-avvenimenti u li dak li għamel il-preżentatur kien li jippromwovi, saħansitra permezz ta’ kompetizzjoni ta’ attività mużikali li hija ta’ nteress għas-semmiegħa tal-istazzjon. Din il-kompetizzjoni wkoll ma kienet tinvolvi l-ebda ħlas min-naħa tas-semmiegħa.
L-Avukat Gera de Petri filwaqt li rrefera għad-definizzjoni ta’ reklamar f’paragrafu 2 tal-Att dwar ix-Xandir saħaq li l-kontenut indikat fl-akkuża ma kienx jikkostitwixxi kontenut reklamatorju a bażi tal-istess definizzjoni u dan partikolarment minħabba l-fatt li l-ebda gwadann pekunjarju jew xorta oħra ma kien qed isir mill-istazzjon, u dawn l-avviżi kienu qed isiru mingħajr ħlas.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjoni tal-partijiet iddeċidiet li l-akkuża kontra l-istazzjon ma kienitx ġiet ippruvata.
26 t’Ottubru, 2012