L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Bay Radio dwar item fl-aħbarijiet li xxandru fl-10 ta’ Settembru, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta l-kontenut ta’ aħbar imxandar waqt dan il-bulettin kienet meqjusa li tkun kontra l-gosti tajbin u d-diċenza.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri Kevin De Cesare, Kevin De Cesare Jr. u lill-Avukat Andre Gera de Petri li dehru f’isem l-istazzjon u lis-Sur Chris Cauchi, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-23 t’Ottubru, 2012.
Minn naħa tiegħu s-Sur Kevin De Cesare qal li Bay Radio sa mill-bidu tiegħu kellu u rnexxielu jżomm popolarità konsiderevoli u dan kien riżultat tal-istil pjuttost differenti ta’ xandir li tul is-snin baqa’ wieħed konsistenti.
Żied li għalkemm l-istazzjon kien ixandar bullettini tal-aħbarijiet regolarment, madanakollu dejjem evita li jidħol f’kontroversji politiċi u/jew industrijali u fittex li jippreżenta rapporti aktar leġġeri ta’ interess ġenerali għas-semmiegħa regolari tiegħu.
Is-Sur De Cesare qal li d-definizzjoni u x’kien jikkostitwixxi gosti tajbin kienet materja suġġettiva u fil-każ in eżami l-ġurnalist kien qed jirraporta f’atti li seħħew realment u li kienu ferm aktar leġġeri minn dak li qiegħed ikun rappurtat kontimwament fil-ġurnali lokali. Żied li tul dawn is-snin ta’ xandir l-istazzjon rari ġie akkużat u nstab ħati ta’ ksur tal-liġi.
L-Avukat Gera de Petri qal li din l-aħbar kienet tirrifletti rapport f’ġurnal Amerikan dwar aġir anti-soċjali u offiża sesswali fl-Istati Uniti u żied li meta mqabbla ma’ rapporti oħrajn li qed jidhru fil-ġurnali lokali din kienet leġġera u nieqsa minn dettalji espliċiti, fil-fatt siltiet mir-rapport saħansitra kellhom laqta umoristika.
Żied li fiċ-ċirkostanzi tal-każ l-akkuża tal-Kap Eżekuttiv setgħet tkun qed tillimita d-dritt Fundamentali tal-Libertà tal-Espressjoni.
Is-Sur Chris Cauchi tenna li kien sorpriż bl-akkuża u dan għaliex ir-rapport minbarra li ma kienx oxxen kien jinkludi terminoloġija b’Malti safi, ħaġa li kienet tippromwovi l-istess Awtorità permezz tal-infurzar u l-applikazzjoni tal-Ħtiġijiet dwar l-Użu tal-Ilsien Malti.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni u ddiskutiet is-sottomissjoni tal-partijiet iddeċidiet li l-akkuża kontra l-istazzjon ma kienitx ġiet ippruvata.
26 t’Ottubru, 2012