Big FM Radio




Akkuża kontra L-Awtorità kellha quddiemha akkuża li l-istazzjon Big FM Radio kien kiser paragrafu 4.3 tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja kif ukoll paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-Telefonati u l-SMSs fil-Mezzi tax-Xandir, meta ma indikax il-prezz tal-SMSs.

L-Awtorità iddiskutiet u kkunsidrat is-sottomissjonijiet tal-Kap Eżekuttiv fl-assenza ta’ rappreżentant tal-istazzjon, li ma attendiex mingħajr pre-avviż,  f’seduta preċedenti, u qablet illi ma setgħetx tipproċedi bis-smigħ tal-ewwel parti tal-akkuża peress li ksur ta’ paragrafu 4.3 tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja ma kienx punibbli ai termini tal-Att dwar ix-Xandir, u dwar it-tieni parti tal-akkuża li kienet tikkonċerna l-ksur ta’ paragrafu 2.1 tal-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika dwar il-Prezz tat-Telefonati u l-SMSs fil-Mezzi tax-Xandir ma kellhix tipproċedi ulterjoralment kontra l-istazzjon, peress li kien għad hemm dubju u konferma ċara tal-informazzjoni preżentata quddiemha waqt is-smigħ.

Madanakollu l-Awtorità iddiriġiet illi t-trasmissjoni tal-istazzjon kellha tibqà tiġi segwita mill-qrib, sabiex ikun aċċertat illi l-istazzjon qiegħed jaderixxi pjenament mal-provedimenti tal-liġi u l-kundizzjonijiet tal-liċenzja.

25 ta’ Ġunju, 2010