L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Calypso Radio dwar xandira tas-7 t’Awwissu, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 5.2 tal-Ħtiġijiet dwar ir-Reklami, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Azzard fuq is-Servizz tax-Xandir li jelenka li tali reklamar fuq ir-radju m’għandux jixxandar bejn is-6.00a.m. u d-9.00a.m u bejn is-2.00p.m u s-7.00p.m meta l-istazzjon xandar reklam ta’ sala tat-Tombla (bingo hall) f’Raħal Ġdid.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Frank Camilleri għan-nom tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru, 2012, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża, qal li dan in-nuqqas kien żball ġenwin u x-xandir ta’ dan ir-reklam kien aċċidentali. Żied li minflok fl-9.40a.m. dan ir-reklam kien ġie skedat għal siegħa qabel u ċioe fid-8.40a.m. Is-Sur Camilleri qal li dan kien każ iżolat u li l-istazzjon kien ħa l-miżuri neċessarji sabiex tali nuqqas ma jirrepetix ruħu.
L-Awtorità saħqet li qed tkun viġilanti ħafna u kienet tieħu b’serjeta’ kbira nuqqasijiet ta’ dan it-tip u dan minħabba l-konsegwenzi tagħhom. Żiedet li kien importanti li l-impjegati tal-istazzjon ikunu konxju mir-responsabbiltajiet tagħhom u l-obbligu li r-regolamenti u l-liġi jkunu osservati.
L-Awtorita’ wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas u ma timponix il-penali relattiva.
13 ta' Settembru 2012