Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ Campus FM rigward bdil tal-isem, qabel ma kien hemm approvazzjoni tar-ri-applikazzjoni tal-liċenzja
Il-Bord kellu quddiemu akkuża mressqa mill-Awtorità tax-Xandir ai termini ta’ L.S.350.07 tal-liġijiet ta’ Malta kontra Campus FM.
Din l-akkuża nħarġet peress li l-istazzjon, mit-2 t’Ottubru 2023 ‘l quddiem, bidel l-isem minn Campus FM għal Campus 103.7 mingħajr l-approvazzjoni neċessarja tal-Awtorità tax-Xandir hekk kif elenkat fil-kundizzjonijiet tal-liċenzja (general conditions: 12(2) (Doc. No. 741).
L-istazzjon ġie akkużat bi ksur ta’ paragrafu 2(ii) tal-ewwel skeda tal-Att dwar ix-Xandir, Kap. 350.
L-istazzjon għażel li jikkontesta din l-akkuża u għalih dehru s-Sur Pierre Cassar u s-Sinjura Celaine Buhagiar. Is-Sur Pierre Cassar ikkontenda li l-akkuża hija vizzjata inkwantu l-fatt li Art 2(ii) ma jeżistix. Kompla li hu lest jirtira sabiex il-Bord jiddeċiedi dwar dan il-punt.
Wara li l-partijiet irtiraw, il-Bord iddiskuta dan il-punt u iżjed tard spjega lill-partijiet li l-Bord huwa wieħed kważi-ġudizzjarju. Għaldaqstant wara li qies l-eċċezzjoni mqajma mill-istazzjon illi l-artiklu ċitat fl-akkuża ma kienx ċitat korrettament stante li flok l-artiklu 2(a)(ii) tniżżel 2(ii), irrileva li filwaqt li dak sollevat mill-istazzjon jirriżulta korrett, l-akkuża kienet spjegata fil-paragrafu preċedenti u għalhekk l-istazzjon fehem ben tajjeb x’kienet l-akkuża li kien qed jiġi rinfaċċat biha, li r-referenza tal-artiklu per se bl-ebda mod ma preġudikat id-difiża li seta’ jressaq u għad jista’ jressaq l-istazzjon li dan il-Bord huwa Bord kważi-ġudizzjarju u għalhekk għandu l-fakultà li jirregola l-proċedura tiegħu stess b’aktar flessibbiltà u finalment li ukoll il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni Ċivili (Kap 12 tal-liġijiet ta’ Malta) jagħtu l-fakultà lill-Qrati li jissanaw dawn l-iżbalji li ma jinċidux fuq il-mertu għaldaqstant il-Bord ma laqax l-eċċezzjoni preliminari tal-istazzjon u ordna l-prosegwiment tal-każ.
Il-Kap Eżekuttiv spjegat kronoloġikament kif seħħew l-affarijiet b’referenza għat-talba tal-bdil tal-isem u rreferiet għall-kommunikazzjoni li kienet għaddiet bejn l-istazzjon u l-Awtorità u li iżda minkejja dan, l-istazzjon kien diġà biddel l-isem għal Campus 103.7.
Is-Sur Pierre Cassar għarraf lill-Bord li l-isem kellu rebranding u li l-fatt li minn Campus FM ġie Campus 103.7 kien ifisser biss li l-istazzjon qed jirreferi għall-frekwenza fuq hiex ixandar. Mistoqsi jekk l-istazzjon bidilx l-isem qabel jew wara r-rikjesta għall-awtorizzazzjoni, s-Sinjura Celaine Buhagiar wieġbet li dan kien qabel.
Wara li l-partijiet irtiraw mis-smigħ, il-Bord iddiskuta din l-akkuża u qabel inkwantu l-ħtija. Għalhekk qed iwissi lill-istazzjon sabiex josserva d-dispożizzjonijiet imposti fil-liċenzja tax-xandir b’iżjed reqqa.
12 ta’ Dicembru 2023
Smigħ 15/2023 Numru 4
Ref: 13/92