Referendum Campaign Programmes - 28 ta' Mejju 2011
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Campus FM dwar il-programm X’rajt, Qrajt, Smajt … u X’naħseb Jien li xxandar fis-27 ta’ Mejju, 2011 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon ma osservax l-obbligi tiegħu waqt il-Jum tas-Silenzju ai termini tal-istess Direttiva.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv, lill-Avukat Chris Soler u lil Fr Joe Borg li dehru għall-istazzjon, fil-preżenza tal-Avukat Charmaine Cristiano.
L-Avukat Soler ikkontenda li l-istazzjon kellu żewġ eċċezzjonijiet prinċipali. Żied li mill-aspett proċedurali l-istazzjon kien qiegħed jilmenta li l-akkuża ma kinitx ċara biżżejjed fis-sens li ma kienx evidenti liema kienu l-klawsoli tad-direttiva li skont il-Kap Eżekuttiv kienu ġew ivvjolati.
F’dan l-istadju l-Kap Eżekuttiv ikkonferma li l-akkuża kienet inħarġet ai termini tal-Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir tenut kont tal-provvedimenti konċernanti l-jumejn tas-silenzju kif riflessi fi klawsola 5 tad-Direttiva dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda.
L-Avukat Soler qal li fil-mertu, jekk wieħed kellu jippresumi li l-akkuża kienet tikkonċerna l-allegat ksur ta’ klawsoli 3 u 5 tad-Direttiva tal-Awtorità, kwalunkwe analiżi kellha titratta l-programm fit-totalita’ tiegħu.
L-Avukat Soler ikkontenda li fil-kuntest ta’ klawsola 3, biex din il-klawsola tiġi vvjolata kien meħtieġ li t-tema prinċipali u ċentrali tal-programm tkun id-divorzju, jew il-familja, element li fil-każ in eżami ma kienx jissussisti. Inoltre, fil-kuntest ta’ klawsola 5 (2), fl-ebda ħin waqt il-programm ma kien hemm xi forma ta’ influenza fuq is-semmiegħa biex dawn joħorġu jivvotaw jew ossia kif dawn kellhom jivvotaw.
Fr Joe Borg sostna li fil-programm il-preżentatur irrefera għal dak li kien intqal jew inkiteb fil-ġranet tal-kampanja u f’dan il-kuntest dak li ntqal waqt l-imsemmi programm ma setax jaffettwa l-intenzjoni jew il-preferenza tas-semmiegħa.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u kkonstatat illi din ma kellha l-ebda ntenzjoni li żżomm lil xi ħadd milli jesprimi l-opinjoni tiegħu u din kienet ħaġa li l-Awtorita kienet ġeluża ħafna dwarha, madanakollu fil-qadi tal-doveri Kostituzzjonali tagħha l-Awtorità ma setgħetx ma tissalvagwardjax il-provvedimenti tal-Liġi partikolarment fi żmien sensittiv bħal ġranet tas-silenzju qabel il-ġurnata tar-Referendum jew Elezzjoni. Fil-fatt il-kontenut tal-programm in kwistjoni ma kien ikun jikser l-ebda provvediment tal-Liġi kieku xxandar f’ġurnata oħra li ma kienitx lejliet jew dak in-nhar tar-Referendum. L-Awtorità kienet tal-fehma li meta wieħed jisma l-kontenut tal-programm in kwistjoni joħorġu ċari r-riferenzi għal materji li kienu parti mill-kampanja referenderja li meta jitqiesu fil-kuntest tal-programm kollu kien evidenti li dawn imorru kontra klawsola 5 tad-Direttiva dwar Programmi u Reklamar imxandra waqt il-Kampanja Referendarja li specifikament tirrigwardja dak li huwa permess jixxandar waqt il-ġranet tas-silenzju.
Meta qieset dan kollu u wara li rat id-Direttiva, l-Awtorità qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro (€4,660) liema penali kienet qed tkun sospiża għal tletin xahar u marbuta esklussivament ma’ Direttivi tal-Awtorità dwar Programmi u Reklami imxandra waqt l-Elezzjonijiet u Referenda.