Deiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ ONE rigward il-programmi ‘Dak li Jgħodd’ li xxandar fil-21 ta’ Novembru, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ ONE dwar l-edizzjoni tal-programm Dak li Jgħodd li xxandar fil-21 ta’ Novembru, 2017 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm ixxandar feature dwar “l-età li toffri sfida meta t-tfal jibdew jiċċaqalqu ħafna biex tbiddilhom in-nappy”. Il-feature kien sponsorjat minn Pampers; fih dehru viżwali ta’ ġenituri bit-trabi waqt li kienu qed jibdlu l-ħrieqi. L-enfasi ta’ dan il-feature kien fuq kif wieħed jista’ jagħmel biex itejjeb l-esperjenza tal-bdil tal-ħrieqi u l-importanza ta’ ħrieqi tajbin u addattati, in partikolari dawk li jintlibsu. Mill-monitoring li sar, jidher li qabel din ir-rokna xxandret batch ta’ reklami li kienet tinkludi reklam ta’ Pampers li kien fih l-istess filmat li ntuża waqt il-feature u li jippromwovi Pampers Pants (nappies li jintlibsu), u għaldaqstant dan il-feature kien assoċjat mar-reklam u mal-isponsor. L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lil Ms Ruth Vella Micallef li dehret f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u li kienet akkumpanjata minn Ms Claire Agius Ordway għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Frar, 2018.
Minn naħa tagħha Ms Vella Micallef filwaqt li ammettiet l-akkuża, qalet li filwaqt li r-reklam kien jixxandar regolarment fil-programm il-feature ma kienx u dak li ġara sar bi żvista u kien żball li ma kienx intenzjonat.
Ms Agius Ordway filwaqt li ammettiet li kien sar żball mill-produzzjoni u li hi kienet konxja mir-regolamenti, qalet li l-filmat li ntwera fil-feature ma kellux juri l-prodott.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għaldaqstant imponiet il-penali ta’ €2,330 liema penali kellha tiġi sospiża għal sena mid-data tan-notifika.
Illum 7 ta’ Marzu, 2018